Notifiki

Il-Qorti tordna estradizzjoni lejn l-Islovakkja wara li jintemmu proċeduri kriminali kontrih f’Malta

Goran Stojanovski li għandu erbgħa u erbgħin sena mill-Maċendonja ta’ Fuq ittella’ l-Qorti biex jiskattaw proċeduri ta’ estradizzjoni.

Stojanovski ġie arrestat mill-Pulizija Maltija mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali matul il-jum tal-Ħamis permezz ta’ Mandat t’Arrest Ewropew.

Ir-raġel huwa mfittex mill-Awtoritajiet Slovakki biex jaffaċċja akkużi relatati ma’ serq bl-armi kif ukoll fuq kriminalità organizzata.

Quddiem il-Maġistrat Yana Stafrace Zammit ġie spjegat li r-raġel bħalissa għandu proċeduri kriminali oħra għaddejjin hawn Malta.

F’dawn il-proċeduri, huwa mifhum li l-imputat qed jaffaċċja akkużi relatati ma’ serq aggravat.

Fil-Qorti Stojanovski deher frustrat ikellem lill-interpretu biex tittraduċi lill-avukat kif ukoll lill-Ispettur Mark Galea. F’xi mumenti saħansitra nstema’ jgħajjat ftit.

Il-Qorti ordnat li r-raġel jintbagħat lura lejn l-Islovakkja wara li jitlestew il-proċeduri kriminali hawn Malta.

L-avukat tad-difiża Dustin Camilleri għamel talba għall-ħelsien mill-arrest u spjega li l-persuna ta l-kunsens tiegħu beix jiġi estradit iżda dan s’issa ma jistax jidħol fis-seħħ minħabba l-proċeduri li għandu quddiem il-Qrati Maltin.

L-avukat spjega li r-raġel ma jistax joħroġ mill-pajjiż u għaldaqstant hemm kontroll assolut fuq il-persuna.

Il-prosekuzzjoni stqarret li l-biża’ tagħha li jaħrab u l-biża’ li jikkommettti reat ieħor. L-akkużi li għandu Malta u l-akkużi li għandu l-Islovakkja huma simili. Dan filwaqt li bejn l-akkużi li għandu Malta u dawk li għandu fl-Islovakkja huma datati biss tmint ijiem ‘il bogħod minn xulxin.

Proprju l-bieraħ irnexxielu jingħata l-ħelsien mill-arrest wara sitta u għoxrin xahar arrestat minħabba proċeduri kriminali ulterjuri.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 1,000 u garanzija personali ta’ 15,000 ewro.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend