Notifiki

“Il-migrazzjoni hija realtà Ewropea, teħtieġ soluzzjoni Ewropea” – Stefan Zrinzo Azzopardi waqt l-MED7

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-importanza tad-djalogu bejn il-pajjiżi Mediterranji li jiffurmaw ukoll parti mill-Unjoni Ewropea, sabiex jinsabu soluzzjonijiet għall-sfidi komuni tagħhom.

Dan saħqu waqt laqgħa tal-ministri tal-MED7, alleanza ta’ seba’ pajjiżi Mediterranji li huma wkoll parti mill-Unjoni Ewropea.

Matul din il-laqgħa, il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa ddiskutew diversi temi fosthom l-isfidi ambjentali tal-baħar u tal-kosti Mediterranji; il-moviment ħieles fil-kuntest tal-pandemija COVID-19; u l-importanza tad-drittijiet soċjali kif ukoll it-tranżizzjoni favur ekonomija ħadra u diġitali anke fid-dawl tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li l-istati membri qegħdin ifasslu.

Dwar is-suġġett aħħari, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi tenna li din it-tranżizzjoni mhix biss inevitabbli iżda għandha tiġi xprunata minn gvernijiet li b’għaqal qed iħarsu lejn futur iktar sostenibbli, nadif u li jqassam il-ġid b’mod ekwu.

F’Ateni, il-Ministri Mediterranji ddiskutew ukoll it-tema tal-migrazzjoni u kif il-patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil irid joħloq bilanċ bejn it-tqassim tar-responsabbiltajiet u s-solidarjetà, partikolarment f’dik li hija r-rilokazzjoni ta’ immigranti. Saret enfasi fuq l-importanza ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini jew tranżitu sabiex jonqsu l-flussi tal-migrazzjoni u t-telf ta’ ħajja umana fil-baħar.

Dan il-messaġġ ġie fil-fatt rifless fl-istqarrija konġunta aħħarija tal-MED7 li sejħet għal soluzzjoni ħolistika li tindirizza l-migrazzjoni mill-għeruq tagħha.

Il-Ministri Ewropej saħqu wkoll dwar il-ħtieġa ta’ stabbiltà fil-Lvant tal-Mediterran u saħqu fuq l-importanza ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien, b’enfasi fuq it-Turkija.

Il-ministri tennew l-impenn sabiex jissolvew l-isfidi fil-Libja fl-isfond ta’ diskussjoni dwar l-istabbiltà u l-prosperità fl-Afrika ta’ Fuq.

F’kumment fl-għeluq tal-laqgħa tal-Ministri Mediterranji, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi tenna s-sodisfazzjon tiegħu għall-ispirtu kollaborattiv u konkret kif ukoll għall-impenn komuni lejn Mediterran li jingħata aktar widen fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend