Notifiki

L-appartamenti għall-housing soċjali mhux se jinbiegħu

Fl-Imsida, propju quddiem investiment ta’ mija u għoxrin miljun ewro fl-akkomodazzjoni soċjali ġiet imħabbra politika ġdida li sservi ta’ gwida għall-mod li jiġu allokati postijiet ta’ housing soċjali.

Primarjament din il-politika hija mibnija fuq tliet pilastri; dik li dawn il-propjetajiet mhux se jibqgħu jinbiegħu, it-tieni li tgħid li ser ikun hemm ċikli ta’ għaxar snin maqsuma fi tliet fażijiet.

Kull erba’ snin mistennija ssir reviżjoni tas-sitwazzjoni tal-individwi biex imbagħad mal-għaxar sena jiġi analizzat jekk il-persuna għadhiex fil-bżonn tal-akkomodazzjoni li jgħix fiha.

It-tielet pilastru jorbot mal-kunċett ta’ rikonoxximenti, jiġifieri d-determinazzjoni jekk persuna għandhiex xi dritt fuq il-post tal-akkomodazzjoni soċjali. Intqal li dawn ir-rikonoxximenti mhux ser jibqgħu awtomatiċi iżda wieħed irid japplika għalihom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega li din il-politika hija maħsuba li tnaqqas is-segregazzjoni bħalma kien jiġri fi snin passati li kien ikun konċentrazzjoni ta’ nies fl-istess sitwazzjoni soċjali f’binja waħda

Is-Sur McKay stqarr: “L-allokazzjonijiet isiru madwar Malta kollha nkluż binjiet ġodda kif ukoll binjiet li aħna qed inġibu mingħand il-privat. Kuntrarju għall-binjiet oħra tal-awtorità dawn il-postijiet mhux se jinbiegħu.”

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ddeskriva din il-politika ġdida bħala waħda rivoluzzjonarja u responsabbli li se tiżgura li l-akkomodazzjoni eżistenti tibqa’ disponibbli għal min verament għandu bżonn.

Huwa qal, “Dawn il-proġetti, dawn il-units jibqgħu tal-poplu Malti biex l-awtorità tad-djar meta tiġi bżonn li tgħin in-nies vulnerabbli ssib l-istock adegwat biex tkun tista’ tgħinhom allura qed ngħidu, minn issa ‘l hemm iġifieri mil-lum ‘l hemm ħa tirregola politika ġdida f’dak li għandu x’jaqsam mal-allokazzjonijiet tal-postijiet il-ġodda, m’aħniex nitkellmu fuq il-postijiet l-antiki hawnhekk.”

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li din il-politika ġdida ser tapplika għall-akkomodazzjoni soċjali ġodda u li għadhom ser jiġu disponibbli u mhux ser tapplika għal dawk il-binjiet li diġà jinsabu okkupati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend