Notifiki

ARA: Id-deputati Parlamentari jgħidu tagħhom dwar min se jirbaħ il-Euro

Ġieli narawhom jiddibattu u jiddiskutu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż jew f’xi programm televiżiv, illum qbadniehom jitkellmu fuq il-futbol.

Ftit qabel jibda l-Kampjonat Ewropew tal-futbol, sibna wħud mid-deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra u staqsejniehom lil liema tim se jsegwu b’passjoni.

L-Italja kienet fost dawk li semmew ħafna:

  • Id-Deputat Kevin Cassar qalilna, “Mat-Taljani is-soltu nżomm.”
  • Il-Ministru Carmelo Abela stqarr magħna: “Mal-Italja nżomm normalment.”
  • Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qalilna, “Mat-Taljani.”
  • Il-Ministru Aaron Farugia stqarr: “Mat-Taljani, Juventin jiena.”
  • “Il-Ministru Ian Borg sostna: “Jiena dejjem nissapportja lit-tim nazzjonali Taljan.”
  • Id-Deputat  Nazzjonalista Mario de Marco wkoll qalilna, “Mal-Italja .. għaliex hija tradizzjoni.”

Iċ-Ċampjins tad-dinja tal-2014 ssemmew ukoll, anki jekk din is-sena mhumiex kwotati ħafna, iżda jibqa’ l-fatt li l-Ġermanja hija tim tat-tournament.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qalilna, “Mal-Ġermaniżi … minn dejjem jiġifieri nammira ħafna s-serjetà u d-dixxiplina tagħhom.”

Filwaqt li l-Ministru Miriam Dalli sostniet: “Jien mal-Ġermaniżi nżomm… ma nafx ilni nżomm mal-Ġermaniżi, miniex xi fanatika tal-futbol imma mbagħad meta jkun hemm kompetizzjonijiet hekk nerġa’ nibda ninteressa ruħi.”

Ma naqsux ukoll il-previżjonijiet ta’ min se jgħolli t-tazza:

Id-Deputat Nazzjonalista David Thake qalilna: “Għax naħseb illi din is-sena għandhom tim tajjeb, tim ta’ żgħażagħ u naħseb illi Mancini rnexxielu jgħaqqad tim tajjeb ħafna.”

Tal-istess fehma kien il-Ministru Roderick Galdes: “Mat-Taljani normalment inżomm għandhom tim li din id-darba jidher li huwa żagħżugħ u nisperaw li jkollhom suċċess.”

Kien hemm ukoll min kellu opinjonijiet oħra:

  • Id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef qalilna,“llum ngħid li għall-EURO xorta l-favoriti fl-opinjoni tiegħi huma l-Ġermanja, Franza u l-Italja jaf jagħmluha wkoll.”
  • Il-Ministru Aaron Farrugia tenna: “Il-Ġermaniżi għandhom ċans tajjeb, l-Ispanjoli wkoll, huwa l-aqwa tnejn ilhom ħafna snin issa però dejjem nittamaw li t-Taljani, li nżomm magħhom jiena, ikollhom ċans tajjeb.”
  • Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qalilna, “Naħseb bħalissa l-aqwa tim huwa Franza imma naħseb it-Taljani għandhom ċans, il-futbol dak li għandu sabiħ li ma jirbaħx dejjem l-aħjar tim jiġifieri nistennew u naraw.”

Kien hemm ukoll dawk li qalu li għalkemm ma tantx huma intiżi fil-futbol u minkejja li m’hemmx it-tim Malti jikkompeti, jittamaw li jkun kampjonat sabiħ li jżomm lil kulħadd eċitat.

U dwar l-Ingliżi, kien hemm min semmihom ukoll, uħud jiftakru fiż-żelqiet tagħhom u oħra jittamaw li din id-darba tkun is-sena tagħhom.

Il-Ministru Michael Farrugia qal, “Jiena nżomm mat-tim Ingliż, ħa ngħidlek kull darba jkunu daqsxejn minn ta’ quddiem imma dejjem jiddiżappuntawni.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend