Notifiki

60,000 persuna niżżlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin

Mindu sar disponibbli biex jitniżżel mill-pubbliku, 60,000 ruħ niżżlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies hekk kif ta aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna.

Id-Deputat Prim Ministru appella biex kull min hu eliġibbli jniżżel dan iċ-ċertifikat li jiffaċilita l-moviment barra minn pajjiżna iżda wkoll anke f’attivitajiet li se jsiru lokalment fix-xhur li ġejjin.

Fil-fatt fuq is-suġġett, id-Deputat Prim Ministru spjega li l-Ġimgħa se ssir konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru għall-Kultura José Herrera u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci li se twitti t-triq ’il quddiem għal attivitajiet kulturali kkontrollati minn Lulju li ġej.

Dwar il-proċess tat-tilqim f’pajjiżna, il-Ministru għas-Saħħa rrimarka r-rata pożittiva ta’ pajjiżna kkumparata ma’ pajjiżi oħrajn madwar id-dinja.

Hawnhekk, id-Deputat Prim Ministru spjega li minkejja li f’Malta 56% tal-adulti huma mlaqqma kompletament filwaqt li 76% ħadu doża waħda, madwar id-dinja 13% biss tal-adulti huma mlaqqma.

B’hekk tenna li l-ħidma f’dan ir-rigward trid tibqa’ tkun waħda b’saħħitha.

Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll li mill-ġimgħa d-dieħla se jintbagħtu l-inviti għal dawk bejn it-12 u l-15-il sena.

Huwa qal, “It-target tagħna jibqa’ li nagħtu t-tilqima lil 80% u issa fil-jiem li ġejjin propju mill-ġimgħa d-dieħla ħa nibdew nibgħatu l-inviti lil tfal u żgħażagħ ta’ bejn it-12 u l-15-il sena biex huma wkoll wara li jgħaddu l-eżamijiet ikunu jistgħu jitlaqqmu. Inħeġġeġ lil dawk li għadhom ma ħadux it-tilqima biex japplikaw fuq vaccin.gov.mt

Dwar is-sitwazzjoni fl-isptar f’pajjiżna, id-Deputat Prim Ministru tenna li s-sitwazzjoni hija wkoll tajba ħafna hekk kif bħalissa ma hemm l-ebda pazjent li jinsab fit-Taqsima tal-Kura intensiva.

Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll li wara diskussjonijiet li kellu mal-uffiċjali ta’ Identity Malta, kollox jinsab għaddej ħarir sabiex mill-ewwel ta’ Lulju Malta tkun fis-sistema tal-Kummissjoni Ewropea li se tħaddem iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend