Notifiki

Titnieda strateġija għal servizz aktar uman f’Identity Malta

Tħejjiet strateġija għat-tliet snin li ġejjin għall-aġenzija Identity Malta. L-aġenzija li kull persuna fuq il-gżejjer Maltin żgur mhux forsi ġie bżonnha.

Din l-istrateġija hija maħsuba li toffri servizz aktar uman lill-klijenti tagħha hekk kif wara kull applikazzjoni hemm ħtieġa għal servizz.

L-istrateġija hija mibnija fuq għaxar prinċipji fosthom it-tiġdid tal-aġenzija, tisħiħ tal-ekosistema teknoloġika li taħdem biha l-aġenzija kif ukoll miżuri favur l-ambjent.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta stqarr filwaqt li ċertu miżuri jieħdu l-ħin tagħhom sabiex jiffjorixxu, fil-ġimgħat li ġejjin mistenni l-ewwel frott ta’ din l-istrateġija.

Qal, “L-iktar ħaġa importanti li qed naraw f’din l-istrateġija hija l-mod kif jinqeda l-klijent kemm b’mod diġitali kif ukoll b’mod li jiġi fl-uffiċini tagħna.”

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat spjega kif Identity Malta diġà taħdem id f’id mal-Kunsilli lokali biex twassal is-servizzi tagħha liċ-ċittadin fil-komunità.

Spjega, “Qed naraw li nkomplu per eżempju nsaħħu l-preżenza tagħna online biex dak li jkun ma jkollux bżonn jiġi fiżikament fl-uffiċċju tagħna imma jibqa’ jingħata servizz. Qed naraw min-naħa l-oħra li nsaħħu per eżempju l-kuntatti tagħna mal-kunsill lokali biex kull min ikollu bżonn jingħata servizz jista’ anki jibda jirrikorri fil-kunsill lokali u jingħata servizz minn hemmhekk.”

Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, li qal li sal-elfejn, tlieta u għoxrin irridu nħarsu lura lejn il-kisbiet ġodda li nkisbu permezz tal-istrateġija.

Hu stqarr li għandu jkun hemm proċess kostanti ta’ immodernizzar biex din l-aġenzija ssaħħaħ aktar il-funzjonijiet tagħha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend