Doris Borg kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin flimkien ma’ multa ta’ €25,000 talli żvujtat il-kard tal-bank ta’ anzjana ta’ 85 sena.
Borg kienet akkużata li bejn Jannar u Ottubru tal-2016 serqet karta tal-kreditu u biha rnexxielha tagħmel qligħ ta’ €5,000 apparti li nefqet diversi flus fi żraben, mobiles, nuċċalijiet, servizzi ta’ telekomunikazzjoni u karozza fost oħrajn.
Hi kienet mixlija wkoll b’serq ta’ flus u b’ħasil ta’ flus.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ġie rrakkontat li l-anzjana kellha €9,000 fil-kont tal-bank u spiċċat bi €8 biss.
Intqal li l-anzjana ssuspettat f’Borg u nfurmat lill-pulizija b’dan iżda meta Borg ġiet interrogata, hi ċaħdet li serqitilha l-kard tal-bank.
Il-ħwienet li xtrat mingħandhom, kollha kkonfermaw li Borg kienet klijenta tagħhom.
Fix-xhieda tagħha l-anzjana qalet li l-flus li kienet ġemmgħat għall-funeral tagħha stess kienu telqu.
Intant Borg xehdet li l-anzjana kienet tagħtiha l-kard biex tiġbed il-flus u tagħtihomlha.
Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat qalet li ma ġiex pruvat li Borg serqet il-kard iżda hemm biżżejjed provi li juru li l-akkużata nefqet flus mill-kont bankarju biex xtrat diversi affarijiet.
Hi nstabet ħatja wkoll ta’ ħasil ta’ flus u rrimarkat li Borg uriet sens ta’ kattiverja u ħażen u saħansitra ma ħasset l-ebda rimors għal dak li għamlet.
Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sostniet li l-Qorti ma tistax tinjora l-biki li bkiet l-anzjana meta saret taf li kienet ġiet ingannata u misruqa minn persuna li fdat.
Il-Maġistrat widdbet ukoll lill-ħwienet li naqsu li jimxu mar-regoli tal-banek f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu ta’ debit cards.
Il-Qorti ordnat ukoll biex kważi sitt elef ewro jiġu konfiskati flimkien mal-propjetà mobbli u immobbli li kellha Borg.