Il-Fondazzjoni li fiha hemm De Marco twieġeb lil Strickland

Il-Fondazzjoni Strickland qalet li Robert Hornyold-Strickland naqas jgħid li l-Qorti ta’ Malta, fl-2018, ċaħdet it-talbiet tas-Sur Strickland fir-rigward ta’ Villa Parisio.

Dan b’referenza għall-intervista li ta Strickland lil ONE News u li xxandru siltiet minnha fl-aħħar jiem.

Il-Fondazzjoni Strickland qalet li Mabel Strickland kienet ħalliet Villa Parisio lill-Fondazzjoni Strickland biex il-Fondazzjoni tużaha bħala is-sit uffiċjali tagħha.

Intqal li minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti, is-Sur Hornyold-Strickland baqa’ jokkupa il-villa u baqa’ jinnega l-Fondazzjoni milli tagħmel ebda użu mis-sit uffiċjali tagħha.

Fl-istqarrija taċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello qal li Strickland konvenjentament naqas jgħid li huwa ssekonda l-ħatra ta’ Adrian Hillman bħala Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, il-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times.

Dan b’rabta ma’ dak li qal Strickland, li jeżistu rabtiet kbar bejn Hillman u d-Deputat Nazzjonalista u membru tal-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland, Mario De Marco.

Hillman inġab f’Malta arrestat u qed jaffaċċja akkużi kriminali fosthom dwar ħasil ta’ flus u frodi.

Il-Fondazzjoni ċaħdet dak li qal Strickland, li De Marco għandu xi kontroll tal-Fondazzjoni u saħqet li huwa membru tal-Kunsill minn erba’ membri.

Il-Fondazzjoni Strickland qalet ukoll li ma hemmx xejn irregolari li l-ishma ta’ Allied għaddew għand il-Fondazzjoni għaliex Mabel Strickland, li hija l-fundatriċi tat-Times, qalet biex dan isir fit-testment.

Il-Fondazzjoni Strickland tenniet dak li kienet qalet l-Allied tat-Times, li hija vittma ta’ żewġ diretturi, li skont hi, abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom.

Il-Fondazzjoni Strickland saħqet li huwa ta’ għajb għal Robert Hornyold-Strickland, li flok jingħaqad mal-isforzi li qed jagħmel kull minn għandu għal qalbu l-kumpanija Allied, dan qiegħed jipprova jieħu vantagg personali biex imexxi ’l quddiem dawk li sejħet bħala talbiet bla bażi.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend