Erba’ artisti jesebixxu xogħolhom għall-ewwel darba f’wirja fir-Rabat  

Bħalissa qed tittella’ esebizzjoni tal-arti f’Casino Notabile, li jinsab fil-telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat.

Din il-wirja qed tittella’ mill-Għaqda mhux governattiva Art Club 2000, li għandha l-għan li tippromwovi l-arti u tħarreġ aktar nies fis-settur.

Għal din l-esebizzjoni qed jieħdu sehem wieħed u tletin artist, uħud professjonali u oħrajn ġodda.

ONE News tkellem mal-President tal-għaqda Twanny Darmanin, li esprima s-sodisfazzjon għall-fatt li qed terġa’ ssir wirja wara nuqqas ta’ sena u nofs minħabba l-imxija.

Hu qalilna, “Hawn 31 artist, b’media differenti, teknika, u anke bħala suġġett. Suġġett totalment wieħed differenti mill-ieħor. ”

Is-Sur Darmanin appella lin-nies biex iżuru l-wirja, mhux biss biex japprezzaw it-talent Malti, imma biex aktar nies ikunu mħeġġa jissieħbu mal-għaqda u jisfruttaw il-potenzjal tat-talent artistiku tagħhom.

Hu stqarr: “Hawn xi erbgħa li esebixxew għall-ewwel darba u tieħu pjaċir, bħalma għidtlek l-ewwel tara l-entużjażmu tagħhom.”

Din il-wirja se ddum miftuħa sal-Ġimgħa ħdax ta’ Ġunju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend