Iffurmat Gvern ta’ koalizzjoni b’maġġoranza ta’ xagħra biex jitqaċċat Netanyahu

Fl-Iżrael tmien partiti rnexxielhom jgħaqqdu Gvern ta’ koalizzjoni kontra Benjamin Netanyahu, li issa kien daħal fit-tnax-il sena konsekuttiva bħala Prim Ministru.

Il-koalizzjoni li tinkludi bosta partiti ċentrali, tal-lemin u tax-xellug, fiha wkoll il-partit li jirrappreżenta l-Għarab fl-Iżrael.

B’dan il-ftehim, li jrid jiġi kkonfermat b’vot fil-Knesset, Naftali Bennett tal-partit lemini Yamina se jsir Prim Ministru sa Awwissu ta’ sentejn oħra sakemm imbagħad minn hemm sa tmiem il-leġiżlatura, Yair Lapid tal-partit ċentrali Yesh Atid jilħaq Prim Ministru tal-Iżrael.

Netanyahu sejjaħ dan il-ftehim, fuq Gvern ġdid li l-għan ewlieni kien li jqaċċat lilu mill-poter, bħala l-frodi tas-seklu.

Netanyahu jinsab fl-iżbarra jaffaċċja akkużi dwar korruzzjoni u saħaq li l-Gvern il-ġdid huwa ta’ theddida għas-sigurtà tal-poplu Lhudi u l-futur tal-istat Iżraeljan.

Fost id-diskussjonijiet bejn il-partiti li għandhom maġġoranza ta’ xagħra kien hemm il-legaliżazzjoni tal-kannabis u l-ħatriet fil-ġudikatura.

Il-partiti jridu jmorru b’vot ta’ maġġoranza fil-Knesset, li huwa l-Parlament Iżraeljan, u jassiguraw maġġoranza ta’ 62 siġġu quddiem il-President Reuven Rivlin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend