Riċerka għal dijanjosi iktar bikrija tal-kanċer

Tim ta’ riċerkaturi f’pajjiżna fis-skiet tal-laboratorji fl-Università ta’ Malta qed jaħdmu fuq riċerka bl-isem ‘Imprint’ li potenzjalment tista’ twassal għal dijanjosi iktar bikrija tal-kanċer f’persuni li diġà kellhom kanċer fil-passat.

Dan permezz ta’ test tad-demm li jirnexxilu jimmarka l-preżenza ta’ ċelloli tal-kanċer fid-demm u li jkunu inqatgħu mit-tumur oriġinali. Il-Professur Christian Scerri, li qed imexxi din ir-riċerka qal kif dan id-dijanjosi kmieni jista’ jwassal sabiex il-pazjent jirċievi trattament li jkun iżjed effettiv u b’inqas effetti mhux mixtieqa.

Prof. Scerri stqarr: “B’dan il-mezz aħna nkunu nistgħu nsibu ċelloli tal-kanċer ġod-demm kmieni ħafna biex b’hekk inkunu nistgħu nibdew trattament speċifiku għal dak it-tip ta’ kanċer jekk allaħares qatt jerġa’ joħorġilhom.”

Il-Professur Scerri qal kif diġà saru avvanzi kbar f’din ir-riċerka.

Waqt żjara li għamel il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici stqarr kif permezz ta’ investiment mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija mhux biss qed jinħolqu iżjed opportunitajiet għar-riċerkaturi f’pajjiżna iżda wkoll potenzjalment jekk ir-riċerka tirnexxi ser ikunu salvati l-ħajjiet.

Il-Ministru Bonnici sostna: “Qed ninvestu mitejn elf ewro minn fondi ta’ riċerka li jmexxi ‘l quddiem l-MCST sabiex dan il-proġett ikun jista’ jimxi ‘l quddiem għal ġid tal-pazjenti Maltin u Għawdxin iżda wkoll barranin li jutilizzaw is-sejbiet ta’ riċerka li qed jagħmlu dawn ir-riċerkaturi bravi ħafna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend