Notifiki

Jintlaħaq ftehim barra l-Qorti bejn il-qraba ta’ Pace u l-kumpanija tal-kostruzzjoni

Il-qraba ta’ Miriam Pace, li mietet mirduma f’darha f’Marzu tas-sena l-oħra, laħqu ftehim barra l-Qorti għall-kumpens mal-kumpanija tal-kostruzzjoni MCZMC Developers Limited.

Din il-kumpanija kellha f’idejha l-proġett ta’ kostruzzjoni li kien qed isir biswit id-dar ta’ Pace.

Mhux magħruf kemm jammonta l-kumpens biex il-familja Pace waqqgħet il-kawża ċivili kontra l-iżviluppatur.

Minkejja dan, il-każ kriminali kontra erba’ akkużati se jkompli, bil-kumpanija ta’ kostruzzjoni għamlitha ċara fi stqarrija li ma tressqu l-ebda akkużi kriminali kontra l-ħames diretturi tal-kumpanija li huma; Elton Caruana, Matthias Mallia, Amanda Muscat, Christopher Zarb u Simon Zarb.

Il-kumpanija tal-kostruzzjoni qalet li l-ftehim barra l-Qorti ntlaħaq mingħajr ma hi ammettiet it-tort għat-tiġrif tad-dar.

Intant is-sentenza fil-konfront taż-żewġ periti akkużati bil-qtil involotarju ta’ Miriam Pace mistennija tingħata f’Lulju li ġej.

Dan l-iżvilupp ħareġ wara li l-Maġistrat Joseph Mifsud għalaq il-kumpilazzjoni f’dan il-każ li seħħ sena ilu u li fih mietet l-omm ta’ żewġt itfal.

Il-Periti Roderick Camilleri ta’ 37 sena mir-Rabat u Anthony Mangion ta’ 73 sena mill-Gżira mistennija jkunu jafu s-sentenza fil-konfront tagħhom xahrejn oħra.

Fuq dan il-każ hemm żewġ akkużati oħra, Ludwig Dimech ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ li kien il-kuntrattur u Nicholas Spiteri ta’ 43 sena mill-Imqabba kien qed jaħdem fis-sit li fih seħħ il-każ.

L-erbat irġiel qed jiġu mixlija li fit-2 ta’ Marzu tal-2020, fis-sit li jinsab bejn Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera, bi traskuraġni ikkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace, omm ta’ 54 sena.

Huma qed jiġu akkużati ukoll li fl-istess jum, u fil-ġimgħat ta’ qabel, ikkaġunaw ħsara fil-proprjetà tal-istess vittma kif ukoll fi tliet proprjetajiet oħra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend