Ħarsa lejn is-siti meraviljużi ta’ Natura 2000

Is-siti tal-art u l-baħar li għalihom huma responsabbli Natura 2000 ser ikunu punt ta’ diskussjoni fil-proġett internazzjonali, CORALLO.

CORALLO mistenni li jqanqal kampanja nazzjonali biex jikber l-għarfien dwar is-siti ta’ Natura 2000 u ser jiġu installati erba’ ċentri ta’ viżitaturi operati minn Heritage Malta.

Dan filwaqt li jagħti ħarsa unika lejn siti li l-pubbliku ma kellux aċċess għalihom permezz tar-realtà virtwali u esebizzjonijiet.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA Michelle Piccinino tkellmet dwar kif ħamsa u tletin fil-mija tal-ibħra Maltin ġew iddikjarati protetti u dan il-proġett ser jippromwovi t-tgawdija responsabbli ta’ dawn is-siti.

Il-Ministru José Herrera sostna li dan il-proġett se jkompli jżid l-aċċessibilità tas-siti għan-nies.

Herrera stqarr, “L-iskop huwa li nkattru l-għarfien tal-patrimonju Malti naturali u storiku tagħna u nagħmlu l-istess, aktar aċċessibbli lin-nies.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro, u mistenni jħalli riżultati partikolari fosthom pjan għall-użu responsabbli tas-siti protetti.

Is-Segretarju Parlamentari stqarr, “Dan l-istudju qed jinkorpora wkoll partners minn Sqallija. Huwa mezz kif inkomplu noħolqu aktar protezzjoni għal dak kollu li joffru l-ibħra tagħna kif ukoll inħarsu ‘l quddiem lejn aktar għarfien biex in-nies ikunu jafu aktar dwar dak li jsawwarna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend