Notifiki

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’ħasil ta’ flus

Mario Brignone ta’ 66 sena minn Bormla, li huwa pensjonant, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’ħasil ta’ flus għat-tieni darba.

Brignone ġie akkużat li kkonverta propjetà li nkisbet b’attività kriminali u anke li kiser il-kundizzjonijiet tal- ħelsien mill-arrest imposti lura f’Awwissu li għadda.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Lianne Bonello u l-Avukati Etienne Savona u Godwin Cini spjegat kif il-pulizija waslet għall-imputat wara li fit-12 ta’ April li għadda ġie arrestat it-tifel tal-imputat, Josef Zammit magħruf bhala l-Marozz.

Intqal kif peress li kemm l-imputat u ibnu huma magħrufa mal-pulizija, saret tfittxija fid-dar tal-imputat.

Hawnhekk ġie spjegat kif il-pulizija sabet li l-imputat kien ġibed €12,000 u nstabu madwar €2,000 id-dar.
Intqal kif waqt l-investigazzjonijiet, meta staqsew lill-imputat dwar minn fejn ġab il-flus huwa qal li faddal xi ħaġa mill-pensjoni iżda din ma bdietx tagħmel sens għall-pulizija u għalhekk is-sena l-oħra kien tressaq b’akkużi simili relatati ma’ ħasil ta’ flus li allegatament kienu ġejjin mid-droga.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-gravità tar-reati tal-akkużat u għad hemm min irid jitla’ jixhed.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ordnat li l-assi tal-imputat ikunu ffriżati.

L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend