Notifiki

Ftehim li se jsarraf f’aktar ħidma biex jonqos it-tniġġis fil-baħar

Permezz ta’ ftehim bejn il-Gvern, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-għaqda mhux governattiva #Żibel se tkompli l-ħidma kontra t-tniġġis fil-baħar.

Din il-kollaborazzjoni tinkludi diversi inizjattivi, fosthom l-użu u l-manutenzjoni ta’ diversi seabins sabiex ikunu jistgħu jiġu interċettati biċċiet żgħar tas-skart u plastik li b’mod irresponsabbli jiġu mormija jew jispiċċaw fil-baħar għad-dannu tal-ispeċi u l-ekosistemi marittimi.

Iċ-Chairperson tal-għaqda mhux governattiva Żibel, Andrew Schembri spjega li l-iskart li ser jinġabar mis-seabins, ser jiġi analizzat u studjat fid-dettall, sabiex informazzjoni relatata tkun tista’ tintuża biex jiġu żviluppati inizjattivi ġodda ambjentali, li jwaqqfu ċertu tip ta’ skart milli jispiċċa fil-baħar.

Huwa stqarr: “Kull darba li nbattlu seabin bażikament, jinqasmu fuq grid u hemmhekk nistgħu naraw id-daqs ta’ kull biċċa skart li jkun hemm u l-kwantità tagħha flimkien mal-piż ta’ total collection tagħha.”

Il-Ministru għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Aaron Farrugia tkellem dwar l-importanza li l-Gvern jaħdem mill-qrib ma’ diversi għaqdiet ambjentali għal għanijiet komuni bħall-protezzjoni tal-ħajja marittima.

Il-Ministru Farrugia tenna li d-dipendenza ta’ Malta fuq attivitajiet marittimi tibqa’ għolja meta mqabbla ma’ stati membri żgħar oħra fl-Unjoni Ewropea li huma gżejjer u li għalhekk għandna naraw li nużaw dan is-settur bl-aħjar mod possibbli biex jiġġenera l-ġid u x-xogħol għall-benefiċċju tal-poplu.

Qal li s-settur tal-ekonomija l-blu jammonta għal ħmistax fil-mija tal-ekonomija Maltija u jiġġenera madwar sebgħa u għoxrin elf impjieg.

Il-Ministru Farrugia sostna: “Naraw issa l-campaigns li jmiss u anke studji oħrajn fejn iwassluna  biex nevitaw biex dan l-iskart jieqaf jintefa’ fil-baħar. Infakkar l-campaign saving our Blues, kif ukoll li bħala Gvern daħħalna projbizzjoni fuq l-importazzjoni tas-single use plastic. F’Jannar li għadda u issa mexjin seba’ xhur oħra ikollna l-projbizzjoni fuq il-bejgħ ta’ dawn is-single use plastic.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend