Notifiki

Destiny se titħalla tkanta fis-semifinali wara li rriżultat fin-negattiv għall-Covid-19

L-ambaxxatriċi Maltija għall-Eurovision ta’ din is-sena, Destiny, se tkun tista’ tikkompeti fl-ewwel semifinali tal-Eurovision tat-Tlieta wara li rriżultat fin-negattiv għall-COVID-19.

Id-delegazzjoni Maltija ntalbet tieħu test għall-virus bħala prekawzjoni wara li membru mid-delegazzjoni tal-Iżlanda rriżulta fil-pożittiv u qed jgħix fl-istess lukanda fejn qiegħda d-delegazzjoni Maltija.

Ilbieraħ id-delegazzjoni Maltija ma tħallitx tattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali tal-Eurovision.

Illum Destiny għandha żewġ impenji importanti, bl-ewwel jibda fit-3pm meta għandha l-ewwel prova ġenerali.

Illejla fid-9pm hija terġa’ tkanta fuq il-palk tal-Eurovision għat-tieni prova ġenerali fejn fiha tivvota l-ġurija.

Il-ġurija għandha nofs il-piż tar-riżultat finali.

Destiny trid tiġi mal-ewwel għaxra biex tgħaddi għas-serata finali tas-Sibt.

Skont l-aħħar żviluppi mid-djar tal-imħatri, Malta hija t-tielet l-aktar favorita wara l-Italja u Franza biex tirbaħ il-Eurovision Song Contest.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend