Notifiki

ARA: Attività ma taqta’ xejn fir-ristoranti matul il-jum tal-Ħadd

 

Ristoranti mimlija, nies jistennew biex joqogħdu bil-qiegħda u l-ħaddiema fil-ħwienet ma jieqfux minuta.

Dawn huma x-xeni li rajna fir-raħal tas-sajjieda Marsaxlokk u fil-Waterfront.

Fl-ewwel Ħadd għal diversi ġimgħat mindu reġgħu fetħu r-ristoranti, l-attività kienet ma taqta’ xejn.

Ma’ kull minn tkellima, spikka l-pożittiv hekk kif il-konkorrenza hija kbira.

Il-ħaddiema u s-sidien tar-ristoranti rrimarkaw għall-għajnuniet li sabu waqt dan iż-żmien ta’ sfida ta’ pandemija.

Sid tar-ristorant stqarret, “Bil-vouchers is-sena l-oħra għamlulna impatt tajjeb ħafna, jiġifieri m’għandix dubju li bihom se jkollna iktar xogħol u għalhekk jgħinuna ħafna.”

Sid ta’ ristorant ieħor qalilna, “Nixtieq nirringrazzja għall-għajnuna li tawna biex żammejna l-ħaddiema u mxjena, tal-istock li tawna u l-għajnuna kbira. Li kieku ma kinux huma żgur m’aħniex kif qegħdin illum.”

F’Marsaxlokk inzertajna wkoll uffiċjali ta’ bosta awtoritajiet jassiguraw li kulħadd miexi mal-protokolli meħtieġa biex filwaqt li nibqgħu għaddejin u r-rota ddur, l-imxija tibqa’ tiġi mrażżna.

Waħda mis-sidien tar-ristoranti rrimarkat li l-infurzar huwa xi ħaġa importanti u li ma jiddejqux bih, anzi jagħrfu li bih nistgħu nibqgħu għaddejjin bl-attività ekonomika b’mod responsabbli.

Hi qalet, “Iva l-ħin kollu, dalgħodu diġa għaddew jiċċekkjaw biex jaraw li għandna kollox mar-regoli. Jippruvaw jedukawna u jedukaw in-nies magħna biex inżommu d-distanza u nirrispettaw ir-regoli.”

Meta mistoqsijin dwar il-futur, spikka s-sens t’ottimiżmu għal dak li ġej, kemm fir-rilaxx ta’ iktar miżuri, u anke d-domanda għar-ristoranti.

Fil-fatt ċertu ristoranti qiegħdin ifittxu wkoll biex jimpjegaw aktar ħaddiema għaż-żmien impenjattiv li għadu ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend