Il-kumpanija Kanadiża Zenabis, permezz tas-sussidjarja tagħha ZenPharm Ltd., irċeviet il-Liċenzja tal-Kannabis Mediċinali mill-awtoritajiet regolatorji Maltin.
Skont il-qafas regolatorju Malti, din il-liċenzja hija l-aħħar rekwiżit biex il-kumpanija tibda topera f’dan il-qasam.
Dan ifisser li din il-kumpanija bil-liċenzja Maltija tista’ tibda tesporta lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, bil-Ġermanja huwa l-aktar suq prominenti fil-mira ta’ din il-kumpanija.
Zenabis għandha ftehim ma’ klijent fil-Ġermanja biex tipprovdi minn tal-inqas ħames mitt kilogramma ta’ kannabis mediċinali fis-sena.
Għal dan il-għan, minn din is-sena, din il-kumpanija se tirċievi sa tliet mitt kilogramma minn Zenabis fil-Kanada.
Din il-kumpanija, li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’pajjiżna, mistennija tvara wkoll prodotti tal-kannabis mediċinali għad-distribuzzjoni fis-suq Malti, u mistennija tidħol ukoll fis-suq Pollakk mill-bidu tas-sena d-dieħla.
Permezz ta’ din il-kumpanija, il-Gvern qed jassigura li jkun hemm l-aħjar standards possibbli biex il-prodotti mediċinali jkunu tal-ogħla livell.
Din l-aħbar ġibdet l-attenzjoni tas-sit internazzjonali Bloomberg.
F’Diċembru tas-sena l-oħra, l-Awtorità Maltija għall-Mediċini ħarġet ukoll liċenzja għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali lill-kumpanija Kanadiża, Aphria.
Intant, ix-xahar li għadda, il-kumpanija Iżraeljana TechforCann ħabbret li se tistabilixxi l-ewwel startup Ewropew f’dan il-qasam f’pajjiżna.