Waqt laqgħa għolja virtwali organizzata minn New Zealand u Franza, bejn diversi mexxejja, il-President Malti George Vella sostna kif Malta hija sostenitur qawwi ta’ internet ħieles, miftuħ u mħares mill-attakki li jiġru minħabba l-konnettività.
Intqal ukoll kif il-pajjiż jagħraf il-ħtieġa kruċjali li jittieħdu passi sinifikanti oħrajn biex jiġi miġġieled l-użu tal-internet minn terroristi u gruppi estremisti vjolenti bħala għodda għall-propoganda tagħhom.
Din il-laqgħa saret wara li sentejn ilu tnieda l-Appell ta’ Christchurch, b’reazzjoni għax-xandir dirett ta’ attakki terroristiċi fuq żewġ moskej f’New Zealand.
F’din il-laqgħa, il-President George Vella qal li jeħtieġ li tiġi mħeġġa trasparenza fir-rappurtaġġ mill-partijiet kollha kkonċernati għax mingħajr għarfien konkret tal-kobor tal-isfida u kif din qiegħda tiġi indirizzata, ikun diffiċli li jiġu identifikati toroq ‘il quddiem.