Ftehim li jassigura faċilitajiet tal-futbol għar-Rabat u l-Imtarfa

Il-Gvern ħabbar li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jibni grawnd ġdid tal-futbol fir-Rabat b’investiment ta’ madwar erba’ miljun ewro.

Dan grazzi għal ftehim storiku bejn il-klabbs tal-futbol tar-Rabat u l-Imtarfa, u l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-klabbs tal-futbol tar-Rabat u l-Imtarfa se jkollhom il-grawnds rispettivi tagħhom.

Dan hekk kif bħalissa t-tim tar-Rabat u n-nursery jokkupaw il-grawnd tal-Imtarfa, u allura malli jinbena l-grawnd il-ġdid se jibdew jużaw lilu. Sussegwentament, it-tim tal-Imtarfa jkun jista’ juża l-grawnd tiegħu.

One News tkellem mas-Segretarji taż-żewġ klabbs, li esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal dan il-ftehim.

Qal, “Issa b’dan il-ftehim għall-grazzja ta’ Alla wasalna biex ikollna l-grawnds tagħna u t-tfal tagħna tal-imtarfa jkunu jistgħu jittrenjaw u jilagħbu l-Imtarfa.”

Tal-istess fehma kien is-Segretarju tal-klabb tar-Rabat.

Spjega, “Importanti. Bħalissa qed nużaw dan il-kumpless u ilna hawnhekk għal żmien u issa se mmorru fi grawnd ieħor biex jidħlu l-Imtarfa minn flokna.”

Il-Ministru Ian Borg qal li dan il-ftehim intlaħaq bis-sostenn tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.

Spjega wkoll li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li se jaħdem fuq dan il-proġett, bħalissa għaddej b’numru ta’ xogħlijiet pubbliċi oħra ta’ importanza.

Qal, “Dipartiment li għaddej minn ħafna proġetti, proġetti wkoll ta’ spazji miftuħa u oħrajn sportivi bħalma huwa l-Malta National Park u proġetti oħrajn u allura hija entità li għandha ħafna x’tagħmel u żidnielha proġett ieħor fuq il-lista.”

Il-Ministru għall-Ekonomija u Industrija Silvio Schembri qal li bħala Ministru responsabbli mill-Awtorità tal-Artijiet, ta direzzjoni lill-Kap Eżekuttiv is-Sur Robert Vella u skattaw id-diskussjonijiet sabiex dan il-proġett issa jgħaddi għal fażi tat-twettiq tiegħu. Żied jgħid li se jassigura li fuq livell amministrattiv se jara li l-klabbs tal-futbol tar-Rabat u Imtarfa ma jbatux minn iżjed telfien ta’ żmien u b’hekk naslu biex fiż-żmien li ġej naraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tenniet li l-isport hija lingwa li tgħaqqad lil kulħadd u spjegat li kull sena, il-Gvern joħroġ mal-ħamsa u sebgħin elf ewro f’kuntratti biex it-tfal tal-Imtarfa jingħataw it-taħriġ sportiv meħtieġ fi grawnds u spazji differenti.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima tenna li l-Gvern hu kommess li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi tiegħu, filwaqt li jibqa’ jaħdem biex irawwem kultura sportiva sa minn età żgħira.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend