Malta se ttella l-ewwel programm xjentifiku fl-ispazju.
Il-proġett Maleth se jara kampjun ta’ ċelloli tal-ulċeri tas-saqajn ta’ persuni bid-dijabete jintbgħat fl-istazzjon spazjali Internazzjonali.
Il-Professur Joseph Borg, li qed imexxi din il-missjoni, spjega li l-kapsula se tagħti l-opportunità li fiha jittellgħu wkoll messaġġi tal-pubbliku.
Qal, “L-esperiment illi ħa ntellgħu aħna, speċifikament fuq il-bacteria, dak illi jissejjaħ microbiome illi ġej minn ulċeri ta’ nies bid-dijabete, huwa xi ħaġa innovattiv u għadu ħadd ma ħares lejh. Allura għalkemm qed nissosponu li jkun hemm riżultati mhux tas-soltu jew inkella ġodda, m’għandniex bench mark fuq xiex inqabdu u allura jagħmlu proġett interessanti ħafna biex nibdew bil-punt tat-tluq.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando spjega kif fil-100 jum li ġejjin, sat-tnedija tal-proġett ‘Maleth’ fl-ispazju, l-Esplora se jkun qed joħloq kuxjenza u jgħarraf lill-pubbliku dwaru.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo stqarr kif dan il-proġett huwa turija ta’ kemm iċ-ċokon ġeografiku ta’ Malta ma jirriflettix il-kobor tal-ħiliet u t-talent f’pajjiżna.
Il-Ministru għar-riċerka u l-innovazzjoni, Owen Bonnici nnota b’sodisfazzjon il-mod ta’ kif ix-xjenza qed tintuża għall-ġid tal-umanità.
Spjega, “Se naraw riċerka fuq xi ħaġa li jekk tagħti riżultati pożittivi ħa ttejjeb il-ħajja tan-nies li jbatu bid-dijabete u din hija xi ħaġa li aħna nimbuttawha ħafna, nemmnu ħafna fiha u nemmnu li hija t-triq ’il quddiem għal pajjiżna.”
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela iltaqa’ virtwalment mal-Professur Borg u qallu li din l-inizjattiva hija l-aqwa prova li l-poplu Malti u Għawdxi, dak li joħlom, iwettqu.
Qal, “M’hemmx ħolma li hija kbira wisq għaliex meta verament il-Malti jimpenja lilu nnifsu li ser jirnexxi f’dak li jkun qiegħed joħlom int l-aqwa prova li tista’ dak li toħlom fih twettqu u tagħmel minnu l-proġett ta’ ħajtek. Verament proset għaliex b’dak li għamilt inti u t-tim tiegħek qed timlewna bl-ispirazzjoni. Sinċerament, f’isem il-poplu malti u għawdxi kollu nixtieq nirringrazzjak u nawguralek kull suċċess.”