Notifiki

Rappreżentant ta’ grupp ta’ lukandi jgħid li mistenni sajf tajjeb

L-istaġun tas-sajf li ġej mistenni jkun tajjeb għas-settur turistiku, hekk kif bosta barranin qed jagħżlu lil Malta biex fix-xhur li ġejjin iqattgħu btala.

Dan is-sentiment pożittiv qasmu magħna rappreżentant ta’ numru ta’ lukandi ewlenin f’pajjiżna.

F’kummenti ma’ ONE News, Andy Tanti nnota l-ħidma tal-Awtoritajiet Maltin biex minn Ġunju li ġej nibdew nilqgħu lit-turisti.

Qal, “Bejn in-numri li bdew neżlin, bejn ir-restrizzjonijiet li beda jneħħi l-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-fatt li issa se niftħu fl-ewwel ta’ Ġunju, l-indikazzjonijiet huma li għandu jkollna sajf tajjeb.”

Il-kwiet ta’ Malta u Għawdex, l-istorja rikka, il-baħar frisk, il-knejjes, l-ikel u l-karattru uniku tal-Maltin u l-Għawdxin huma fost l-karatteristiċi li qed jiġbdu lil dawn it-turisti minn kull kantuniera tad-dinja sabiex jiġu u jitpaxxew b’pajjiżna.

Iżda dan mhux biss, hekk kif l-iskemi li ħabbar il-Gvern għat-turisti, intlaqgħu b’mod tajjeb ħafna.

Spjega, “Bħala skema ntlaqgħet tajjeb ħafna, kien hemm minn diġà bbukkja u kien hemm min tana d-dettalji biex meta l-affarjiet ikunu aktar ċari nkunu nistgħu nkellmuhom u jibbukjaw. Inġenerali r-rispons huwa pożittiv għalkemm f’ċertu sezzjonijiet min-naħa tal-aġenti għad hemm daqxejn biża’ ta’ x’ser jiġri u jekk Malta hux se tkun fis-suq Ingliż.”

Fil-jum li tħabbar li l-Olanda poġġiet lill-Malta fil-lista l-ħadra, Andy Tanti nnota kemm aħbarijiet bħal dawn se jħallu effett pożittiv fuq l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna.

Qal, “Xi ħaġa pożittiva ħafna li se jkun hemm aktar pajjiżi. Dejjem qed naraw b’mod pożittiv lejn l-Italja, Franza u l-Ġermanja u postijiet oħrajn possibilment barra l-Ewropa. L-Istati Uniti għal min ħa l-vaċċin jista’ jsiefer  u allura dik hija opportunità u xi ħaġa pożittiva għax la darba ġew fl-Ewropa għandhom aktar libertà biex jimxu minn pajjiż għal ieħor.”

Intant, jiem qabel ma jitneħħew bosta restrizzjonijiet oħra, fosthom il-ftuħ mill-ġdid tal-pixxini, gyms, ristornati miftuħa sa filgħaxija u anke wara l-bars, is-Sur Tanti qal kif il-lukandi tagħhom jinsabu wkoll ippreparati u ħerqana.

Qal, “Il-fatt li għandna d-data taf meta ħa tasal u ħafna affarijiet għaddejjin, taħriġ tal-ħaddiema, ristoranti u bars lesti biex nilqgħu lin-nies u qed nistennew b’ħerqa li jasal dakhinar u noperaw b’aktar faċilitajiet tal-lukandi.”

Intant fl-ewwel tmiem il-ġimgħa mindu tneħħew ir-restrizzjonijiet biex taqsam il-fliegu, bosta vjaġġaw lejn Għawdex f’dawk li mistennija jkunu jiem tajba għan-negozji fil-gżira tat-tliet għoljiet.

L-appell jibqa’ biex inżommu mal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa biex inkomplu nrażżnu l-imxija fosthom biex ma ninġabrux f’aktar minn erba’ gruppi minn djar differenti.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. U l-Gvern Ingliż dehru li jħalli l-Malta barra. U mbagħad hawn xeba’ laqgħin jisparaw il-kanuni għax miet id-duka!!!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend