Ċittadina Maltija f’Gaża qed tingħata l-għajnuna biex toħroġ mit-terrur 

Din hija x-xena ta’ bħalissa f’bosta ibliet fl-Iżrael fosthom f’Tel Aviv.

Rokits interċettati minn missili oħra sparati mill-qawwiet Iżraeljani f’sistema ta’ difiża magħrufa bħala Iron Dome, biex ir-rokits sparati mill-militanti tal-Hamas minn Gaża, ma jolqtux postijiet strateġiċi u binjiet ċivili tal-Lhud.

Is-sitwazzjoni fl-istrixxa ta’ Gaża wkoll hija waħda prekarja, attakki mill-ajru tal-qawwiet Iżraeljani li qed jingħad li huma mmirati għall-militanti iżda qed joqtlu anki tfal u nisa.

Is-suldati Iżraeljani qed jiġu mobilizzati lejn l-istrixxa ta’ Gaża, f’mossa deskritta bħala sinjal li Iżrael jista’ jwettaq attakk mill-art f’Gaża.

Tlett elef suldat ta’ Iżrael tar-riżerva ġew imsejħa biex jgħinu f’kunflitt li beda fl-aħħar jiem fil-belt Imqaddsa ta’ Ġerusalemm.

Minn tal-inqas tlieta u tmenin Palestinjan mietu u seba’ persuni Iżraeljani nqatlu wkoll.

Ix-xeni tal-funerali huma ta’ qsim il-qalb fuq kull naħa, fosthom għal dan it-tifel Palestinjan li tilef lil missieru.

Intant f’Gaża hemm ċittadina Maltija li qed tgħix il-gwerra mal-Palestinjani.

Dan qalu ma’ ONE News, ir-Rappreżentant ta’ Malta għall-Palestina Franklin Aquilina.

Huwa qalilna, “Hawn ftit, m’hawnx ħafna però jidher li kollox huwa sew. Qegħdin f’kuntatt kuljum. Għandna ċittadina Maltija-Palestinjana li qiegħda ġo Gaża u qed tipprova toħroġ minn hemmhekk u qed nagħmel kuntatt magħha kuljum. Sfortunatament iċ-ċirkostanzi huma li ma jistax jagħmel affarijiet fiċ-ċirkostanzi.”

Spjegalna kif il-ħsieb hu, li din il-Maltija toħroġ minn Gaża fejn hemm it-terrur: “Però jiena kellimtha sa ftit tal-ħin ilu, qaltli li hija safe, as safe as can be ħa ngħidu hekk fiċ-ċirkostanzi u ħa toħroġ fil-jiem li ġejjin għan-naħa tal-Eġittu.”

Ir-Rappreżentant ta’ Malta għall-Palestina għandu uffiċċju f’Ramallah fix-Xatt tal-Punent iżda jgħix fil-Lvant ta’ Ġerusalemm, madankollu peress li t-tensjoni bejn il-Palestinjani u l-Lhud eskalat f’Ġerusalemm, huwa kien kostrett li jiċċaqlaq u jmur jgħix f’lukanda, f’żona iktar sigura tal-belt.

Aquilina sostna: “Kont qed inżommhom aġġornati bil-protesti u inkwiet li kien ikollna fit-triq; ammonti kbar ta’ pulizija, riħa qawwija ta’ drenaġġ minħabba li jintefa’ dak li jgħidulu skunk water biex iferrex id-dimostranti u għas-saħħa u s-sigurtà tiegħi ġie deċiż illi jiena niċċaqlaq ftit ġol-Lvant ta’ Ġerusalemm imma mhux f’dawk iż-żewġ-tlett toroq.”

Spjegalna wkoll li s-sitwazzjoni hija waħda surreali fejn trid tgħix fi gwerra iżda tkompli b’ħajtek.

Hu tenna: “Fil-fatt hija kważi sitwazzjoni surreali, kważi lanqas tibda temmen x’ikun għaddej. Sfortunatament waqt li qed nagħmlu din l-intervista għadni kif irċivejt informazzjoni li Tel Aviv jinsab taħt attakk.”

Malta tibqa’ tisħaq fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati fejn żewġ popli jgħixu bħall-aħwa maġenb xulxin iżda x-xeni tal-ġlied juru li għadna mili ’l bogħod minn meta ż-żewġ partijiet jibdew almenu jitkellmu.

Għalissa tibqa’ tirrenja l-vjolenza kiefra li ma twassal għall-imkien.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend