F’laqgħa bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Libja Najla El-Mangoush, iż-żewġ naħat qablu li l-ħarsien u l-immaniġġjar tal-fruntieri hija prijorità, mhux biss għall-fini tal-kontroll tal-immigrazzjoni rregolari iżda fuq kollox, għas-sigurtà nazzjonali tal-Libja.
Hawnhekk sar aċċenn għall-paċi u stabilità fl-Afrika biex il-Libja ma tibqax mhedda mill-fruntieri tagħha mas-Sahel.
Waqt żjara f’Malta mill-Ministru tal-Libja, il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li l-Libja hija qabel kollox stat sovran li niesu għaddew minn ħafna tbatijiet u Malta se tkompli taħdem biex fil-Libja ssaltan il-paċi u l-istabilità.
Aktar tard, mal-Ministri Mangoush u Bartolo ngħaqad il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana għal taħdidiet dwar l-importanza li jibdew it-titjiriet bejn Malta u l-Libja, biex fost oħrajn, jinfetħu l-bibien għall-kummerċ u l-investiment.
Intant il-Ministru tal-Libja kellha taħdidiet ukoll mal-President ta’ Malta George Vella.
Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President qal li l-komunità internazzjonali jeħtieġ li tagħti attenzjoni ikbar lil-Libja.