Notifiki

Skema li salvat 30,000 impjieg u 500 negozju

L-Iskema ta’ Garanzija tal-Covid-19  li hi parti mill-pjan ta’ rkupru għal pajjiżna u li hi amministrata mill-Bank Malti għall-Iżvilupp, appoġjat ħames mitt negozju u salvat tletin elf impjieg f’pajjiżna.

Minn din l-iskema li għaliha kien hemm allokati aktar minn seba mitt miljun ewro, s’issa nħarġu madwar erba mitt miljun ewro f’self ta’ likwidità permezz ta’ disa’ banek kummerċjali.

Dan qalu f’kummenti ma’ dan l-istazzjon il-Kap Eżekuttiv tal-Bank Malti għall-Iżvilupp Rene Saliba, fejn saħaq x’kienet il-prijorità ewlenija tagħhom mindu faqqgħet il-pandemija f’Marzu tas-sena l-oħra.

Qal, “Il-prijorità saret kif se żżomm l-entitajiet u l-kummerċ jibqa’ għaddejj, ilaħħaq u jaffaċja l-isfidi tal-pandemija f’sitwazzjoni fejn l-ispejjeż baqgħu għaddejjin pero d-dħul ta’ dawn l-entitajiet f’uħud minnhom waqaf totalment.”

Ir-Rapport Annwali tal-Bank għall-2020, li tqiegħed fuq il-mejda tal-Parlament mill-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana ipprovda wkoll dettalji dwar kif mijiet ta’ kumpaniji li jħaddmu għexieren ta’ eluf ta’ impjegati bbenefikaw mill-iskemi tal-MDB matul is-sena li għaddiet.

L-Iskema ta’ Garanzija tal-Covid-19 tipprovdi garanzija ta’ 90% fuq is-self eliġibbli kollu u tinkludi sussidju fuq ir-rata tal-imgħax. B’hekk, din saħħet sostanzjalment l-aċċess għall-finanzjament mill-banek, naqqset l-ispejjeż tas-self u f’ċerti ċirkostanzi u eliminat il-ħtieġa ta’ garanziji għall-iżgħar intrapriżi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank Malti għall-Iżvilupp vantaġġ ewlieni tal-iskema.

Spjega, “Il-piż fuq min se jissellef ħa jkun ħafna inqas u apparti minn hekk il-banek se jkollhom vantaġġi u inċentiv ħafna iktar li jisilfu aktar. Filfatt diġa’ ttieħed minn disa’ banek u ġie misluf 440 miljun ewro.”

Is-Sur Saliba żied jgħid li l-Bank għaddejj ħidma biex jaħseb għall-futur.

Qal, “Importanti ħafna naħsbu għall-futur, fil-fatt l-MDB qiegħed jippjana biex joħroġ miżuri fil-qrib ħalli jibda jipprepara mhux biss għal dak li jkun jibqa’ fil-wiċċ imma jibqa’ jkabbar u jaħseb għak investiment ġdid.”

Rene Saliba qal li l-applikazzjonijiet baqlhom miftuħin sal-aħħar ta’ Settembru, fejn għad baqa’ tlett mitt miljun ewro allokti għal din l-iskema.

Intant, iċ-Chairman tal-MDB il-Professur Josef Bonnici esprima l-kunfidenza tieghu fir-rigward tal-irkupru ekonomiku ta’ Malta u saħaq li l-komunità kummerċjali Maltija wriet reżiljenza qawwija fl-isforzi kontra l-effetti ekonomiċi tal-pandemija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend