Matul il-jum tas-Sibt se jkompli l-Kunsill Ewropew informali ġewwa l-belt Portuġiża ta’ Porto.
Preżenti għal dan is-summit, mifrux fuq jumejn, hemm il-Prim Ministru Malti Robert Abela, li ngħaqad b’mod virtwali minħabba li jinsab fi kwarantina.
Dan is-summit, li qed jiġi organizzat mill-Presidenza Portuġiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, qed jiddiskuti l-qasam soċjali.
Il-Ġimgħa, il-mexxejja Ewropej flimkien ma’ diversi teknokratiċi qablu fuq it-triq ‘il quddiem għal qasam soċjali għall-għaxar snin li ġejjin.
Fost il-miri li qablu fuqhom hemm li sal-2030, minn tal-inqas ikun hemm rata tal-impjiegi ta’ 78%, minn tal-inqas 60% tal-adulti Ewropej li jattendu għall-korsiiet ta’ taħriġ u li jitnaqqas in-numru ta’ dawk f’riskju ta’ faqar b’minn tal-inqas ħmistax-il miljun persuna.
Is-Summit f’Porto beda permezz ta’ tliet laqgħat differenti, dak fuq ix-xogħlijiet, l-innovazzjoni u s-servizzi soċjali, fejn hawnhekk il-mexxejja Ewropej kienu ma’ diversi teknokratiċi u esperti.
Dwar dawn il-miri soċjali, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet kif dan is-summit se jkun qed jibni Ewropa li tkun relevanti għal-lum. Qalet ukoll kif dan is-summit soċjali qed isir f’perjodu propiżju, hekk kif id-dinja qed taffaċja pandemija globali.
Il-Ġimgħa filgħaxija, beda s-summit tradizzjonali bejn il-mexxejja, hekk kif inġabru flimkien mal-mejda sabiex jiddiskutu. Hawnhekk, il-mexxejja Ewropej qablu li l-Istati Uniti u r-Renju Unit għandhom iqasmu iżjed dożi tal-vaċċin u mhux iżommuhom għalihom.
F’Porto, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen appellat sabiex l-Istati Uniti tqassam id-dożi li tipproduċi, hekk kif bħalissa qed iżżomm kull doża li qed tipproduċi għaliha. Intqal kif bil-kontra l-Unjoni Ewropea qed iżomm nofs id-distribuzzjoni ta’ tilqim għall-membri stati tagħha, filwaqt li n-nofs l-ieħor qed tqassmu bejn kważi 90 pajjiż, li mhumiex membri stati tal-Unjoni Ewropea.
Wieħed minn dawk voċiferi dwar dan is-suġġett kien il-President Franċiż Emmanuel Macron, li qal kif l-Unjoni Ewropea għandha tkun kburija bil-ġenoriżità tagħha.
Matul il-ġurnata tas-Sibt, il-mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu l-miri soċjali u se jkun qed jingħaqad magħhom b’mod virtwali l-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi. Hawnhekk, il-mexxejja se jiddiskutu r-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat u anke s-sitwazzjoni tal-pandemija fl-Indja.
Fl-aħħar ta’ dan is-summit, il-mexxejja Ewropej mistennija jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Porto, li se tistabilixxi l-miri soċjali sal-2030. Barra minn hekk din id-dikjarazzjoni se twassal ukoll għal viżjoni diġitali u ambjentali tal-Unjoni Ewropea sal-istess sena.