Notifiki

F’Summit Ewropew il-PM jisħaq fuq l-importanza tal-vaċċin biex tkun miġġielda l-pandemija

Il-mexxejja Ewropej iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Porto, hekk kif intemm is-Summit Soċjali ta’ jumejn fil-Belt Portuġiża.

Il-Prim Ministru Robert Abela ngħaqad ma’ dan is-summit ta’ jumejn b’mod virtwali minħabba li jinsab fi kwarantina.

Dan ġie organizzat mill-Presidenza Portuġiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewroepa, u ddiskuta l-qasam soċjali.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Porto se twassal biex sal-2030, ikun hemm rata ta’ impjieġ ta’ mhux inqas minn 78%, minn tal-inqas 60% tal-adulti Ewropej jattendu għall-korsijiet ta’ taħriġ u li jitnaqqas in-numru ta’ dawk f’riskju ta’ faqar b’minn tal-inqas ħmistax-il miljun persuna, fosthom ħames miljun tifel u tifla.

Din tinkludi wkoll il-viżjoni diġitali u ambjentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-mexxejja Ewropej appellaw sabiex l-Istati Uniti tqassam id-dożi li qed tipproduċi, hekk kif bħalissa dan il-pajjiż immexxi minn Joe Biden qed iżżomm kull doża li qed tipproduċi, għaliha.

Intqal kif bil-kontra tal-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea  qed iżomm nofs id-distribuzzjoni ta’ tilqim għall-membri stati tagħha, filwaqt li n-nofs l-ieħor qed jitqassmu bejn kważi 90 pajjiż, li mhumiex membri stati tal-Unjoni Ewropea.

Il-mexxejja Ewropej tkellmu wkoll fuq l-importanza taċ-ċertifikat tal-vaċċin, li dan mistenni jiġi approvat f’summit speċjali ieħor li se jsir aktar tard dan ix-xahar.

Dwar il-pandemija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-importanza tal-vaċċin biex tkun miġġielda din il-pandemija u rrikonoxxa l-ħidma li għamlet il-Kummissjoni Ewropea biex akkwistat dan il-vaċċin.

Dr Abela qal kif l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja ukoll pajjiż terzi sabiex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-ittestjar tal-Covid-19 u anke sabiex jakkwistaw it-tilqim.

Il-Prim Ministru Malti saħaq kif iċ-ċertifikat tal-vaċċin huwa għodda importanti għall-istaġun tas-sajf, sabiex ikun iffaċilitat il-moviment ħieles tal-persuni.

Is-Sibt wara nofsinhar, il-mexxejja Ewropej kellhom ukoll laqgħa mal-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi dwar ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat.

Hawnhekk, iż-żewġ naħat qablu dwar ftehim ta’ konnettività, li se jwassal f’kooperazzjonijiet dwar trasport, l-enerġija u anke setturi li jolqtu lin-nies.

Hawnhekk, il-Prim Ministru Malti appoġġja bis-sħiħ din is-sħubija strateġika u esprima s-solidarjetà mal-Prim Ministru Indjan u tenna l-appoġġ ta’ Malta.

Pajjiżna kien wieħed mill-pajjiżi madwar id-dinja li ta donazzjoni ta’ magni tal-ossiġnu.

Is-Sibt tħabbar ukoll li l-Kummissjoni Ewropea għamlet ftehim mal-kumpanija Pfizer u BioNTech sabiex sa sentejn oħra jingħataw potenzjalment 1.8 biljun doża tal-vaċċin.

Dan ħabbritu l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fuq Twitter, li spjegat li dan huwa l-ikbar kuntratt li ffirmat l-Unjoni Ewropea ma’ kumpanija farmaċewtika.

Dan il-kuntratt jiggarantixxi 900 miljun doża tal-vaċċin, b’għażla li jirduppjaw sa sentejn oħra, u se jfisser li l-Unjoni Ewropea se jkollha biżżejjed dożi f’każ li aktar ‘il quddiem irid jingħata booster kontra l-Covid-19.

Dan il-kuntratt se jwassal ukoll biex il-kontinent jevita l-firxa ta’ xi varjant ieħor tal-virus.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend