Notifiki

Fiequ 19-il persuna mill-Covid-19 u feġġew 12-il każ

Fl-aħħar sigħat fiequ dsatax-il persuna oħra mill-Coronavirus u feġġew tnax-il każ minn fost elf disa’ mija sitta u ħamsin test.

Dan ifisser li disgħa u disgħin punt erbgħa fil-mija tat-testijiet li saru ġew negattivi, u żero punt sitta fil-mija ġew pożittivi.

Sa issa fiċ-ċentri tal-ittestjar f’pajjiżna saru tmien mija sebgħa u disgħin elf, disa’ mija sebgħa u disgħin test.

Mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-Covid-19, ingħataw 365,902 doża. Minnhom, 251,787 persuna ħadu l-ewwel doża, filwaqt li 115,333 persuna huma kompletament imlaqqma kontra l-Covid-19.

Fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa anzjana ta’ 95 sena mietet waqt li kienet pożittiva għall-Covid-19.

Intant, waqt l-aġġornament ta’ kull ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-biċċa l-kbira tal-każijiet huma mill-varjant Ingliż.

Bħalissa għandna wkoll ħames każijiet tal-varjant tal-Afrika ta’ Isfel, u tnejn u għoxrin każ mill-varjant tal-Brażil u l-ebda każ tal-varjant Indjan.

Dan filwaqt li l-età medja ta’ persuni pożittivi f’pajjiżna hija ta’ ftit aktar minn sebgħa u tletin sena.

Hija spjegat ukoll kif il-fiduċja tal-Maltin fil-vaċċin hija għolja ħafna.  Fil-fatt sa issa ġew imlaqqma 95% tal-persuni li għandhom iktar minn 60 sena, 72%  ta’ dawk li għandhom iktar minn 50 sena u 59% ta’ dawk iktar minn 40 sena. Mill-bidu ta’ din il-ġimgħa sa issa diġà ġew irreġistrati jew imlaqqma 51% ta’ dawk fuq it-tletin sena.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sostniet ukoll kif f’ġimgħa ma feġġ l-ebda każ pożittiv fid-djar tal-anzjani.

Hija qalet, “Ebda każ ta’ persuna pożittiv fid-djar tal-anzjani fejn aħna għandna, fejn hemm għandna rata tajba ħafna tat-tilqim u allura hemmhekk aħna mhux biss proteġġejna wkoll il-ħajjiet ta’ dawn il-persuni li inti wkoll bdejna bil-mod il-mod niftħu il-miżuri restrittivi li hemm hemmhekk biex bil-mod il-mod ukoll in-nies li hemm f’dawn id-djar ikunu jistgħu jiltaqgħu mal-qraba u l-ħbieb tagħhom.”

Intant, il-Professur Charmaine Gauci spjegat ukoll kif barra ċ-ċertifikat tal-vaċċin, li issa jrid ikun approvat mill-mexxejja Ewropej, pajjiżna għaddej b’diskussjonijiet bilaterali għal ċertifikati komuni bejn pajjiżi mhux membri fl-Enjoni Ewropea.

Prof. Gauci sostniet: “Għaddejna liġi wkoll apposta biex jekk inti għandek ‘third countries’ li s-sitwazzjoni epidemjologa tagħha tippermetti fejn huma jkunu ‘safe countries’, aħna nagħmlu ‘bilateral’ magħhom, biex aħna nkunu nistgħu ngħarfu ċ-ċertifikat tagħhom u huma jagħrfu ċ-ċertifikat tagħna.”

Ara wkoll:

Ma jfeġġ l-ebda każ pożittiv fid-djar tal-anzjani – il-Prof. Charmaine Gauci

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend