Notifiki

Ta’ Delia llejla msejħa biex juru ‘show of force’ barra l-istamperija

Illejla se jitlaqqa’ l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista b’mod urġenti wara li l-Kap Bernard Grech ġie mġiegħel mill-establishment biex isejjaħ laqgħa fl-isfond tal-kitba diretta ta’ Adrian Delia lejn Jason Azzopardi.

Tard it-Tlieta filgħaxija, Adrian Delia akkuża lil Jason Azzopardi b’gideb u qerq u saqsih numru ta’ mistoqsijiet fosthom dwar kif ma kienx iddikjara x’jaqla’ għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa.

Lil Jason Azzopardi, Delia saqsih ukoll kif għex meta għal sena partikolari ddikjara li ma qala’ xejn.

Dan b’referenza għall-istorja li kienet żvelata minn ONE News fejn għall-2019, Jason Azzopardi kien iddikjara li ma daħħalx flus mill-professjoni legali, anki jekk hu magħruf bħala Avukat imqabbad.

Is-sorsi tagħna qalulna li għal-laqgħa tal-lejla mistennija jqumu argumenti jaħarqu bejn iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista.

Ta’ Delia mistennija jinġabru barra l-istamperija biex juru dik magħrufa bħala show of force.

“Jeħtieġ nuru l-appoġġ lil Kap tagħna”, instema’ jgħid wieħed ta’ Delia li għadhom isostnu li Adrian Delia għadu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Li n-nies ta’ Delia jinġabru barra d-Dar Ċentrali mhiex xi ħaġa ġdida u hija xena li rajna kemm il-darba matul is-sajf tas-sena l-oħra, meta Delia kien qed jiġi sfiduċjat.

Ieħor qal, “Issa iżżejjed kollu żejjed, jekk ma jħalluhx joħroġ storja naqilgħu.”

Dan intqal fid-dawl li qed tikber il-pressjoni minn esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fuq Bernard Grech biex Delia ma jitħalliex ikun kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend