Notifiki

Investiment ta’ €25 miljun f’erba’ skejjel primarji f’Għawdex

B’investiment ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro, erba’ skejjel primarji f’Għawdex se jaraw proġett ta’ tisbieħ u modernizzar, biex b’hekk l-istudenti Għawdxin jieħdu wkoll l-ogħla livell ta’ edukazzjoni f’ambjent li jixraq.

Dan ħabbritu l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fi żjara li għamlet fuq il-lant tax-xogħol, fejn bħalissa qed tinbena skola Primarja ġdida b’investiment ta’ għaxar miljun ewro fir-Rabat Għawdex.

Qalet kif, “Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed inħabbru erba’ skejjel primarji oħra f’Għawdex tal-valur ta’ 25 miljun ewro flimkien ma’ diversi faċilitajiet li mhux biss jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-istudenti Għawdxin imma biex ukoll nilħqu l-miri ambjentali.”

Fost l-oħrajn il-Ministru Caruana qalet li dan il-proġett se jara xogħlijiet fuq l-istrutturi u l-immodernizzar tal-iskejjel ikunu ambjentalment sostenibbli u kif ukoll jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-istudenti Għawdxin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada Neville Young qal li l-iskola ġdida se tilqa’ sitt mija u ħamsin student u studenta.

Spjega, “Binja ġdida li se tkun qed tiċċaqlaq u li għandha madwar 160 sena biex tiġi rilokata u se jinbnew 26 klassi ġdida u jilqgħu fihom 650 student.”

Id-daqs tal-iskola se jkun ta’ madwar 8,000 metru kwadru, bi 3,000 minnhom għall-isport u r-rikreazzjoni tat-tfal.

Il-Perit tal-proġett Nicholas Mallia qal li x-xogħol ta’ skavar tas-sit huwa lest u sar taħt is-sorveljanza tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Qal, “Id-diffikultà u s-sabiħ tal-proġett hija propju li aħna u naħdmu skoprejna fdalijiet li jmorru lura għal żmien ir-Rumani u hemm possibilità u fdalijiet puniċi. Ir-ritmu tal-proġett miexi ġmielu imma qed jiżżewweġ max-xogħlijiet u skavar tal-Cultural Heritage.”

F’Għawdex, il-Gvern, permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, qiegħed jinvesti madwar ħamsa u tletin miljun ewro fit-tisbiħ estensiv tal-iskejjel primarji tan-Nadur, iż-Żebbuġ, Ta’ Kerċem u l-Għarb.

Apparti dawn il-proġetti se jsir it-tisbieħ tal-faċċati tal-iskejjel primarji kollha fil-gżira Għawdxija, kif ukoll proġetti ta’ green walls.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend