Sal-ewwel kwart ta’ din is-sena, jiġifieri sa Marzu ta’ din is-sena, il-bank Bank of Valletta kellu profit ta’ qabel it-taxxa ta’ disa’ miljun u tliet mitt elf ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Bank of Valletta, il-Ħamis waranofsinhar indirizzat miċ-Chairman tal-bank, Dr Gordon Cordina, intqal li dan l-ammont irreġistrat bħala profitt huwa skont dak previst fiċ-ċirkostanzi preżenti waqt pandemija.
Mill-aħħar kwart tas-sena li għaddiet u l-ewwel kwart ta’ din is-sena, il-bilanċ tad-depożiti mill-klijenti żdied b’1.3% jew mija tlieta u erbgħin miljun ewro
Meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena l-oħra, kien hemm żieda ta’ sitt mija wieħed u disgħin miljun ewro.
Il-bank qal kif b’total ta’ erbgħa u sittin miljun ewro, mija u sittin klijent gawdew mill-moratorju.
Intqal bejn l-aħħar kwart tas-sena li għaddiet u l-ewwel kwart ta’ din is-sena, kien hemm profit ta’ tnejn u tmenin miljun ewro f’dak li huma avvanzi netti tal-bank.
Meta mqabbel mal-istess kwart is-sena l-oħra, kien hemm żieda ta’ mitejn disgħa u tmenin miljun ewro
Il-maġġoranza ta’ dawn kienu self mill-bank sabiex il-klijenti jixtru d-djar.
Intqal kif f’dan l-ewwel kwart tas-sena kien hemm inqas li użaw il-bank b’mod tradizzjonali, filwaqt li kien hemm żieda ta’ 55% tat-tranżazzjonijiet fuq il-mobile.
Intqal kif il-bank qed iħares b’mod pożittiv għat-tieni kwart tas-sena, hekk il-programm ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna jinsab għaddej b’ritmu mgħaġġel.