Notifiki

Ara kif qed isir it-tilqim f’Għawdex qabel mal-ivvjaġġar bejn il-fliegu jinfetaħ bla xkiel

F’Għawdex ir-rata ta’ tilqim miexja wkoll b’mod tajjeb ħafna, hekk kif s’issa ngħataw aktar minn erbgħa u għoxrin elf tilqima lill-Għawdxin u dawk li jgħixu f’Għawdex. B’madwar tlettax-il elf minnhom ingħataw f’wieħed mill-akbar ċentri li hawn f’pajjiżna, dak tal-Aurora fir-Rabat.

Dan ħareġ ukoll propju minn mistoqsija Parlamentari li wieġeb il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fil-Parlament.

Fil-jum tal-Ħamis, dan l-istazzjon qasam il-fliegu u żar iċ-ċentru ta’ vaċċinazzjoni, fejn hemmhekk iltqajna mal-infermier inkarigat Alfred Xerri u tenna kif f’jum wieħed saħansitra ngħataw anke madwar elf u mitejn tilqima f’Għawdex.

Qal, “Dan iċ-ċentru nfetaħ seba’ ġimgħat ilu u kemm ilu li nfetaħ tajna minn hawnekk biss mal-14,000  u nieħu din l-okkażjoni u nħeġġeġ  lin-nies biex meta jirċievu l-invit jiġu għax dan huwa importanti mhux għalina imma għal ta’ madwarna u kulħadd se jgawdi minnu.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li minħabba r-riżultati pożittivi li qed iħalli l-programm ta’ vaċċinazzjoni, erbat ijiem oħra, il-gżira tat-tlett għoljiet mistennija terġa’ tibda tilqa’ fiha l-Maltin u t-tursiti.

Qal, “Ser inkunu qed inħarsu ’l quddiem, fejn ftit tal-jiem oħra ser terġa’ jinfetaħ il-konnettività bejn il-gżejjer u għalhekk se nkunu qegħdin niftħu bil-mod il-mod l-ekonomija Għawdxija sabiex nerġgħu nilqgħu fostna lil diversi Maltin għall-vaganza tagħhom u għamilna dan kollu bil-għaqal.”

Bosta studenti, fosthom mill-iskola medika ta’ Barts ukoll qed imiddu idejhom biex fiċ-ċentru ta’ vaċċinazzjoni f’Għawdex jingħataw kemm jista’ jkun tilqim.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend