Prodott Malti qed jintuża fi tletin pajjiż biex jiffaċilita l-ħlas tal-VAT mill-accountants 

Nuqqas fis-settur tas-servizzi finanzjarji wassal biex Scope, kumpanija lokali fis-settur tat-teknoloġija tiżviluppa DataDear, prodott li llum il-ġurnata qed jintuża minn aktar minn 10,000 klijent fi 30 pajjiż madwar id-dinja.

Dan il-prodott, wieħed mill-ħafna li pproduċiet jew qed tipproduċi l-kumpanija, ilu fis-suq ħames snin, u jgħin fost oħrajn accountants Maltin biex jipproċessaw il-VAT fi ftit minuti, proċess li manwalment jieħu sigħat ta’ ħidma.

Wieħed mill-imsieħba ta’ Scope, Brian Ferris, qal illi l-kumpanija ingħatat finanzjament ta’ €161,000 mill-programm nazzjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija l-MCST. Permezz ta’ din l-għajnuna bil-kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, din l-idea ġiet żviluppata fi prodott ikkumerċjalizzat.

Huwa stqarr: “Aħna konna qed naħdmu diġà fil-qrib ħafna mas-settur finanzjarju billi nagħmlu riċerka dwar cloud applications li jeżistu, u meta tkun qed taħdem fil-qrib mas-settur faċli tista’ tibda tosserva ċertu patterns, tibda tidhem il-bżonnijiet fid-dettal, tifhem x’soluzzjonijiet jeżistu u tifhem ukoll x’soluzzjonijiet ma jeżistux, u hemmhekk fejn nibtet l-opportunità.”

Is-Sur Ferris spjega li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, it-talent huwa kbir: Aħna kburin li għandna prodott designed and made in Malta u hekk ukoll qed inressqu lil Malta bħala plejer globali fis-settur tas-software as a service jew cloud software.”

Fi żjara li għamel lil din il-kumpanija, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici saħaq li għandna tassew inkunu kburin bix-xogħol li qed isir, u għalhekk Malta qed tkun fuq il-mappa tal-innovazzjoni.

Il-Ministru Bonnici sostna: “Hawnhekk għandna kumpanija Maltija illi għarfet gap illi kien hemm f’qasam partikolari tas-servizz finanzjarju u ħolqot prodott bl-għajnuna ta’ finanjament mill-MCST illi issa dan il-prodott qed jintuża mhux biss f’Malta imma anke barra minn Malta.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend