Notifiki

Lejn l-aħħar ta’ ħajtu Napuljun kien ftakar fis-sbuħija tal-Belt – Charles Xuereb 

Din hija d-dar li fiha għex l-aħħar ftit snin ta’ ħajtu l-akbar ġeneral li qatt rat id-dinja.

Napuljun Bonaparte miet fis-sitta neqsin ħdax-il minuta ta’ filgħaxija tal-ħamsa ta’ Mejju ta’ mitejn sena ilu fuq il-gżira ta’ Santa Elena, itturufnat minn artu u wara snin ta’ glorja.

Napuljun miet kawża ta’ ulċera fl-istonku u wara li spiċċa eżiljat mill-Ingliżi fi gżira fl-Atlantiku, mas-sebat elef kilometru ’l bogħod minn Franza.

Dr Charles Xuereb, storiku u riċerkatur tal-era Franċiża f’Malta jisħaq li l-Imperatur Bonaparte kien ġgant fl-istorja Ewropea u tad-dinja.

Huwa qalilna, “Sintendi meta miet kien fenomenu ikbar milli kien ħaj għax rebaħ iktar id-dinja kollha wara li miet. Il-kult tiegħu ġera ma’ kullimkien.”

Napuljun jibqa’ mfakkar għall-ġenjalità tiegħu fix-xjenza u l-matematika, għall-politika tiegħu iżda anki għall-battalji li rebaħ, tant li f’temp ta’ deċenju u ftit, ħa l-Ewropa taħt idejh.

Battalja famuża li tibqa’ mfakkra kienet dik ta’ Austerlitz li Napuljun rebaħ kontra t-truppi Awstrijatiċi u Russi.

Dr Xuereb spjegalna: “Dik rebaħha b’għoxrin elf suldat kontrih iktar milli kellu hu u rebaħha f’ġurnata. F’xita u tajna ma ngħidlekx kemm u rebaħha mill-ħamsa ta’ filgħodu sal-ħamsa ta’ waranofsinhar, rebaħha f’ġurnata.”

Isem Napuljun marbut ukoll ma’ pajjiżna.

F’Malta ġie bħala ġeneral żagħżugħ meta kien għadu se jibda l-ħajja pubblika u nistgħu ngħidu li minn Palazzo Parisio, fejn raqad għal sitt ijiem fil-Belt, fassal l-ewwel politika tiegħu.

Dr Xuereb kompla jispjega: “L-ewwel pajjiż li neħħa l-iskjavitù għalkollox, ikkundannah, abbolixxieh kienet Malta, bis-saħħa tiegħu.”

Dr Xuereb, li l-ktieb tiegħu ‘France and the Maltese Collective Memory’ se joħroġ it-tielet edizzjoni tiegħu mill-Università b’seba’ faċċati żejda dedikati lil Napuljun, jgħid li dak li twieled fil-gżira ta’ Korsika, ipprova jneħħi l-għanqbud f’kemm trodd salib.

Huwa spjega: “Żgur qabeż il-mija u ħamsin liġi ċivili mhux liġijiet militari, liġijiet ċivili. Irridu niftakru mhux għax nixtieq nagħmel il-paragun hawnhekk. Li meta ġew l-Ingliżi hawnhekk, ruxmata liġijiet legali kellhom x’jaqsmu anki mal-fortizza, kellhom x’jaqsmu mad-Difiża. Le dan kien kitibhom ċivili għal Malta. Fuq dik li hija ġustizzja, amministrazzjoni, edukazzjoni, ħa l-pjan ta’ Vassalli li jiftaħ ħmistax-il skola tal-Gvern b’xejn malajr, sptarijiet is-saħħa, kollox. Kunsilli lokali, semmejthom inti, għamel tnax-il reġjun Kunsilli Lokali, inkluż Għawdex. Illum meta nagħmlu l-elezzjoni ġenerali prattikament għadna fuqhom.”

Charles Xuereb, magħruf għall-passjoni li jitkellem dwar dak kollu Franċiż, spjega ma’ ONE News li lejn tmiem ħajtu, Napuljun beda jiddetta djarji dwar il-ġrajjiet li għadda minnhom f’ħajtu.

Meta wasal biex jirrakkonta l-istorja tal-wasla tiegħu f’Malta fi triqtu lejn l-Eġittu, f’Ġunju tal-elf seba’ mija tmienja u disgħin, Napuljun qal hekk.

Dr Xuereb tenna: “Il-Belt Valletta għandhom l-isbaħ u l-aqwa port fil-Mediterran. Hija belt imdawra bis-swar ma jispiċċaw qatt, waħda titla’ wara l-oħra, maħdumin bil-franka u miżmumin perfetti. Toroq u palazzi sbieħ. Għandek l-aqwa belt fil-Mediterran.”

Illum, mitejn sena mill-mewt ta’ dan il-politiku, ħassieb, ġeneral u fuq kollox imperatur ta’ imperu li bena f’qasir żmien, infakkru r-riformi, il-progress u l-iżvilupp soċjali li ġab dan il-bniedem.

Illum il-fdalijiet ta’ Napuljun jinsabu f’Les Invalides wara li dan inġab minn fejn miet ta’ wieħed u ħamsin sena.

Uħud li kienu tawh l-aħħar tislima, dsatax-il sena wara li miet f’Santa Elena, kienu dawk li ġġieldu spalla ma’ spalla miegħu.

Illum Napuljun Bonaparte jistrieħ għal dejjem kif xtaq hu, imdawwar mill-poplu Franċiż li għalih iżda mhux biss, kien eroj u ġgant li d-dinja tixtieq biss li jerġa’ jkollha bħalu.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Din il-kwotazzjoni mid-djarju ta’ Napuljun li kkwota Dr. Xuereb imissha qegħda xi mkien prominenti fil-Belt. Barra li hija kwotazzjoni meħuda minn kitba ta’ bniedem kbir hija wkoll deskrizzjoni eżatta tal-belt kapitali tagħna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend