Notifiki

Jirrifletti fuq l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern waqt pandemija

Fi żmien ta’ sfidi globali iżda anki għajnuna mill-Gvern Malti, wieħed jista’ jinsa l-fatt li dawn is-servizzi ma kinux dejjem preżenti biex ikunu ta’ spalla.

ONE News tkellem mal-eks Deputat Mexxej u eks Ministru Laburista, Joe Debono Grech, li ħadem tul is-snin fi Gvernijiet Laburisti biex Malta tqum fuq saqajha wara li kisbet il-ħelsien.

Huwa sostna li wieħed mill-ewwel servizzi soċjali li l-Partit Laburista ħadem biex jintroduċi kien dak tal-pensjoni minkejja l-Oppożizzjoni li kien hawn kontra dan is-servizz.

Debono Grech qal ukoll li wieħed mill-iktar passi importanti sabiex il-Maltin itejbu l-futur tagħhom, kien l-iżvilupp fl-edukazzjoni.

Huwa qal, “Barra dawn is-servizzi soċjali, għamel l-iskola b’xejn għal kulħadd. Qabel jekk kont tidħol il-Lyceum kont trid tħallas nofs lira fil-ġimgħa. Meta tela’ l-Gvern Laburista tal-wieħed u sebgħin neħħieha din.”

Huwa nnota wkoll kif ċertu servizzi soċjali li ddaħħlu minn Gvern Laburista fl-aħħar snin, jixbħu wkoll dawk li ġew introdotti fi żminijiet passati, li kienu jirriflettu l-isfidi tal-Maltin ta’ dak iż-żmien.

Debono Grech sostna: “Il-Gvern beda jagħti l-flus biex il-Gvern jagħti l-kamra tal-banju. Illum qed nagħtu l-flus biex tixtri d-dar imma dak iż-żmien ma kienx hawn hekk għax il-Gvern kien itik biss biex tagħmel il-kamra tal-banju.”

Huwa nnota wkoll kif iċ-ċirkostanzi iebsa bla preċedent li d-dinja tinsab għaddejja minnhom, u r-reżiljenza ta’ pajjiżna f’wiċċ dawn l-isfidi juru biċ-ċar li pajjiżna qiegħed jiġi mmexxi minn mexxej kapaċi.

Debono Grech tenna: “Illum għandna l-pandemija. Għalija, l-Prim Ministru mhux għadda mill-prova tan-nar imma mill-prova veru tal-ħadid.”

Huwa sostna li r-ruħ soċjali ta’ Malta kienet dik li żammet diversi negozji u familji milli jsofru dak li sofrew pajjiżi oħra.

Debono Grech saħaq: “Illum qegħdin nagħmlu passi ta’ ġgant. Taħt il-Partit Laburista bdejna b’mod modest imma llum passi ta’ ġgant għax inti jekk tara l-flus li qed joħroġ għall-pandemija biss ara kemm tiswieh il-Gvern. Kieku ma kellniex Gvern bil-għaqal u ħaseb għall-futur, kieku aħna ġralna bħal pajjiżi oħra.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend