Notifiki

In-nefqa soċjali tiżdied b’€9.7 miljun riżultat ta’ żieda oħra fil-pensjonijiet

Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, in-nefqa soċjali tal-Gvern żdiedet b’disa’ miljun u seba’ mitt elf ewro.

Dan meta mqabbel mal-ewwel kwart tas-sena l-oħra.

Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, iż-żieda fin-nefqa soċjali ġiet mill-ħlas ta’ benefiċċji kontributorji, l-aktar fil-pensjonijiet.

Fil-fatt bejn Jannar u Marzu li għadda, in-nefqa fil-benefiċċji kontributorji kienet ta’ ħdax-il miljun u mitt elf ewro iżjed minn Jannar u Marzu tas-sena l-oħra.

In-nefqa fil-benefiċċji mhux kontributorji bħal benefiċċju tal-qgħad, naqset b’miljun u nofs.

Fl-ewwel kwart tas-sena, fejn daħlet fis-seħħ żieda oħra għall-pensjonanti permezz tal-Budget, intefqu disa’ miljun u tliet mitt elf ewro aktar mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Il-bonus tal-Gvern għall-ħaddiema wkoll wassal għal żieda fin-nefqa soċjali ta’ miljun u tliet mitt elf ewro aktar.

Skont l-NSO, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-aktar benefiċċju li minnu gawdew numru kbir ta’ nies minn benefiċċji mhux kontributorji kien iċ-Children’s Allowance.

Fil-fatt minn dan il-benefiċċju gawdew aktar minn wieħed u erbgħin elf familja.

Intant b’rabta ma’ dawn ir-riżultati uffiċjali tal-NSO, fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll kif f’dan l-ewwel kwart tas-sena, tlieta fil-mija inqas tan-nies kienu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.

Qal li bħala medja, minkejja l-pandemija, f’Malta, kull tlett ijiem, kien hemm persuna fuq l-assistenza soċjali li rnexxielha ma tibqax dipendenti fuqha.

Dr Abela sejjaħ dan il-fatt bħala reżiljenza li se tibni prosperità ġdida f’pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend