Notifiki

Delia jakkuża lil Azzopardi b’gideb u qerq u jisfidah biex ifittxu

Iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista komplew jiftħu n-nar fuq xulxin, bl-aħħar ġlied u kliem iebes fil-konfront ta’ xulxin ħareġ tard ilbieraħ filgħaxija meta l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia wieġeb lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u akkużah b’gideb u qerq.

F’sensiela ta’ battuti, Adrian Delia kiteb fuq Facebook b’reazzjoni għal dak li kiteb ftit qabel Jason Azzopardi, li rebaħ kawża kontra Vincent Borg magħruf bħala Ċensu l-Iswed, wieħed mill-aktar persuni leali lejn Delia u li kien ikun barra mal-bieb tad-Dar Ċentrali fi żmien li Delia kien Kap.

Borg instab ħati ta’ malafama fuq Jason Azzopardi meta tal-ewwel staqsa jekk Azzopardi qatt kien Portomaso biex jiltaqa’ ma’ mara tax-xogħol.

B’referenza għall-vittorja li daqq fuq il-profil tiegħu fuq Facebook Jason Azzopardi ta’ Bernard Grech, Delia wieġbu u għamillu sensiela ta’ mistoqsijiet.

Delia sfida lil Azzopardi u talbu biex jiddikjara dak kollu li daħħal f’taxxa flok jaqla’ minn żniedu.

Dan b’referenza għall-istorja li kien żvela ONE News, li Jason Azzopardi, bħal Bernard Grech, għamel snin ma jiddikjarax x’jaqla’ għall-fini ta’ taxxa.

Delia sfida wkoll lil Jason Azzopardi jgħid kif għex wara li kien iddikjara li ma qala’ xejn.

Hawnhekk ukoll kien ONE News li żvela li għas-sena 2019, Jason Azzopardi kien qal li ma qala’ xejn mill-professjoni legali anki jekk jiftaħar kemm hu avukat imqabbad.

Delia talab ukoll lil Jason Azzopardi biex joħroġ il-messaġġi li qed jgħid li għandu li fihom hemm involut Delia u Yorgen Fenech.

Hawnhekk Delia staqsa kif dak li għen biex Bernard Grech sar Kap, kellux aċċess għall-messaġġi ta’ Fenech meta mhuwiex membru fil-Korp tal-Pulizija.

F’attakk fil-beraħ fil-grupp parlamentari ta’ Bernard Grech, Delia qal lil Jason Azzopardi jgħid lin-nies jekk kienx mar jirranġa mal-midja biex joħorġulu l-qerq tiegħu fuq l-ewwel faċċati tal-gazzetti.

Delia fakkar ukoll li Jason Azzopardi jinsab f’nofs kontroversja ta’ inkjesta kriminali b’rabta ma’ allegat korruzzjoni u frodi fid-Dipartiment tal-Artijiet, propju fl-istess perjodu meta Azzopardi kien Segretarju Parlamentari tal-Artijiet.

Fl-isfond li Jason Azzopardi nqabad li kienet tħallsitlu kamra f’lukanda lussuża fl-Iżrael mill-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Delia ma qagħadx jogħmodha u qal lill-istess Azzopardi jispjega l-qrubija tiegħu ma’ ta’ Fenech flok jipponta subgħajh lejn ħaddieħor.

Delia, li fakkar kif Azzopardi qatt ma ra għajn m’għajn miegħu meta hu kien imexxi l-Partit Nazzjonalista, għalaq b’messaġġ ta’ sfida lejn Jason Azzopardi.

Talbu li flok joħroġ t’Avukat ma’ Ċensu l-Iswed, ifittex lilu ħalli toħroġ il-verità bejn żewġ deputati fl-istess grupp parlamentari tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Aqra wkoll:

Manuel Delia jitfa’ l-pressjoni fuq Grech dwar x’għandu jagħmel b’Adrian Delia

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend