Fil-ġimgħat qabel inqatel, l-Avukat Carmel Chircop, kien qed jipprova jiġbor is-sitt mitt elf ewro li kellu jħallsu lura Adrian Agius, l-akkużat li allegatament kkummissjona l-qtil ta’ Chircop.
Qalet dan il-mara tal-vittma hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda. Bid-dmugħ f’għajnejha, Mary Rose Chircop, irrakkontat il-jum meta saret taf li r-raġel tagħha kien inqatel f’Birkirkara fejn spjegat kif suppost kellu jkun hemm binhom miegħu, iżda nzerta li dakinhar tħassritlu l-lezzjoni.
Hi spjegat kif għal xhur sħaħ wara l-qtil tar-raġel tagħha, l-akkużat kien ipprova jannulla d-dejn li kellu permezz ta’ kawżi fil-Qorti fejn wara laħqu ftehim barra l-Qorti għal persentaġġ żgħir mill-ammont oriġinali li kellu jagħti lura.
Chircop inqatel fi sparatura f’garaxx fit-8 ta’ Ottubru tal-2015. Adrian Agius qed ikun akkużat li kkummissjona l-qtil, filwaqt li Jamie Vella u George Degiorgio qed ikunu akkużati li wettqu l-qtil.
Il-mara ta’ Chircop xehdet kif oriġinarjament Agius, magħruf bħala Tal-Maksar, kellu jħallas lil żewġha €750,000 fejn wara ħlas ta’ €150,000 kien għad fadal €600,000 f’dejn, bid-data tal-ħlas kienet għal Lulju tal-2015.
Ġara li wara li għadda ż-żmien, flimkien ma’ żewġha marru jaraw villa f’Baħar iċ-Ċagħaq bħala forma ta’ ħlas, liema villa m’għoġbithomx. Xhur wara hi semgħet lil żewġha jitlob flusu lura, iżda hu qatt ma tħallas.
Kien ħames xhur wara l-qtil li Agius fetaħ proċeduri fil-Qorti kontra mart u iben il-vittma biex jiġi annullat il-kuntratt fuq il-villa fejn wara l-ewwel smigħ laħqu kompromess ta’ ħlas ta’ €165,000 biex jagħlqu l-każ darba għal dejjem.
Il-Qorti semgħet ukoll kif l-Ispettur Sandra Zammit iddeskriviet il-jum tal-qtil fejn meta kellmet lill-mara tal-vittma, dwar jekk żewġha kienx involut f’xi inkwiet, hi mill-ewwel semmiet lil Adrian Agius. Spjegat kif hi qaltilhom kif żewġha, u Agius, Etienne Cassar u Ryan Schembri kellhom rabtiet permezz ta’ negozju li kienu jinvolvu flus kbar.
Meta ġie interrogat, Agius ammetta li Chircop kien qed jiġri warajh għal ħlasijiet ta’ dejn li kellu u li Chircop kien qallu li l-garanzija li kellu għas-somma li kellu jħallas, li kienet il-villa, issa hi tiegħu. Iżda Agius kien qal lill-Pulizija li fil-jum tal-qtil hu ma kienx Malta, bil-konnessjoni tal-mobile ġiet ikkonfermata li kienet imqabbda ma’ Telecom Italy fl-istess jum.