Notifiki

Il-Gvern bi ftehim ta’ €3.7 miljun mal-Fondazzjoni Wens

Il-Gvern u l-Aġenzija Sapport daħlu għal ftehim soċjali ta’ tliet miljun u seba’ mija u sbatax-il elf ewro mal-Fondazzjoni Wens, b’risq l-operat tat-tlett idjar li għandha fil-komunità għal persuni b’diżabilità.

Il-ftehim tat-Tlieta huwa man-nofs miljun ewro aktar minn dak li sar fl-2018 għall-istess għan, u se jkun qed jolqot b’mod dirett lil 35 resident fit-tliet snin li ġejjin.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli f’waħda mid-djar tal-Fondazzjoni fil-Kalkara, li tista’ tilqa’ sa sitt residenti b’diżabilità.

L-Aġenzija Sapport se tipprovdi tim multidixxiplinarju li se jassessja, segwi u jirrevedi l-pjanijiet tar-residenti biex jingħataw l-aqwa servizz u ambjent. Il-Kap Eżekuttiv, Ruth Sciberras, qalet li dan il-ftehim se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-Aġenzija u l-Fondazzjoni, u se jtejjeb is-servizzi li diġà jingħataw.

Id-Direttur tal-Fondazzjoni Wens, Ronald Galea qal li kwalunkwe għajnuna mill-Gvern hija importanti biex il-Fondazzjoni tgħin lil dawn il-persuni jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom billi jkollhom il-mezzi biex jikkontribwixxu fis-soċjetà, u jgħixu f’ambjent ta’ familja żgħira.

Sentiment li fissritru magħna wkoll il-Ministru Farrugia Portelli.

Qalet kif, “Irridu naraw li aktar ma jgħaddi ż-żmien irridu naraw li aktar persuni b’diżabilità jintegraw fis-soċjetà. Dawn il-ftehimmiet li jammontaw għal iżjed minn €3.7 miljun, se jfisser li aktar minn dawn il-persuni jgħixu f’kunċett ta’ familja. Ħafna drabi dawn ikunu tilfu l-ġenituri, u rridu nqarrbuhom kemm jista’ jkun lejn dak il-kunċett ta’ familja.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend