Notifiki

450 ħaddiem jinżlu f’diversi toroq għal tindif, manutenzjoni u rinovar

Aktar minn 450 ħaddiem minn diversi dipartimenti u entitajiet tal-gvern illum bdew kampanja ta’ tisbiħ madwar Malta kollha biex jagħtu xejra isbaħ lill-pajjiż. Ix-xogħlijiet jinvolvu tindif ġenerali ta’ toroq u bajjiet, manutenzjoni ta’ dwal, żebgħa, tindif ta’ taħżiż ma’ bini pubbliku, sinjali ġodda tat-traffiku, u ġbir ta’ skart goff f’diversi inħawi.

Dan hekk kif illum bdiet l-akbar kampanja ta’ tindif f’pajjiżna bl-isem ta’ Insebbħu Pajjiżna.

Din il-kampanja, li tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela, qed tkun ikkordinata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.

Fost id-dipartimenti u entitajiet li llum kienu involuti fl-ewwel jum ta’ din il-kampanja hemm dawk tal-Indafa Pubblika u Manutenzjoni, tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Enemalta.

F’dan l-ewwel jum, il-ħaddiema kienu mqassmin fi 15-il grupp u mferrxin madwar Malta kollha.

Fost oħrajn, fl-ewwel jum saru xogħlijiet ta’ bdil ta’ dwal fit-toroq fl-Imġarr, il-Mosta u t-Telgħa t’Alla u Ommu fin-Naxxar, kif ukoll tindif fit-toroq mit-Triq tal-Barrani sa Birżebbuġa.

Barra minn hekk, numru ġmielu ta’ ħaddiema b’makkinarju apposta kienu l-Belt Valletta jneħħu t-taħżiż u l-graffiti ma’ bini u għamara tat-toroq.

L-ewwel jiem tal-kampanja ‘Insebbħu Malta’ se jikkonċentraw fuq it-toroq arterjali u postijiet fejn normalment jinġemgħu għadd ġmielu ta’ nies.

Wieħed jista’ jgħid li f’din l-ewwel fażi tal-kampanja se tkun qed issir tindifa ġenerali u manutenzjoni ta’ dwal. It-tieni fażi se tikkonċentra fuq żebgħa fejn meħtieġ, tindif ta’ bajjiet, sinjali tat-traffiku u tabelli, ukoll f’postijiet li l-iktar jintużaw min-nies.

It-tielet fażi tal-kampanja tidħol fl-ibliet u l-irħula, kif ukoll żoni residenzjali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend