Notifiki

Ara kif se jsiru l-eżamijiet tal-MATSEC

L-Università ta’ Malta ħabbret numru ta’ miżuri li se tkun qed taddotta biex tnaqqas ir-riskji tal-firxa tal-virus tal-Covid-19 waqt l-eżamijiet tas-SEC u l-Matrikola.

Fi stqarrija maħruġa mill-Università ta’ Malta ġie spjegat li l-eżamijiet kollha, barra l-prattika tal-Edukazzjoni Fiżika, se jsiru skont kif skedat, bir-riżultati joħorġu f’nofs Awwissu.

Għalhekk tħabbar ukoll li l-applikazzjonijiet għad-dħul fil-Junior College u l-Università ta’ Malta se jiġu estiżi skont il-ħtieġa.

Fost il-miżuri hemm illi studenti li fis-sessjoni tal-eżamijiet tas-SEC li se jsiru f’Ġunju jitilfu milli jagħmlu l-eżamijiet tal-Malti, Ingliż, Matematika jew suġġett tax-Xjenza minħabba kwarantina obbligatorja, se jkunu jistgħu jagħmluhom fis-sessjoni t’Ottubru.

Dawn isiru skont ir-regoli tas-sessjoni supplimentari.

Madanakollu, il-bord tal-Junior College se jkun qed jara u jassessja kull każ.

Intant, kull student li se jkun qed ipoġġi għall-eżamijiet tal-Matrikola u minħabba l-kwarantina obligatorja ma jkunx jista’ jattendi għal xi eżami, huwa mitluba li jikuntattja l-uffiċċju tal-MATSEC.

Id-dħul proviżorju għas-sena akkademika li jmiss, kemm fil-Junior College u anke fl-Università ta’ Malta se jkun l-istess bħalma ġie applikat is-sena l-oħra.

Għalhekk kull student se jkollu l-istess opportunità biex jipproċedi bl-istudji tiegħu.

L-istqarrija temmet tgħid illi dawn il-miżuri japplikaw biss f’każ ta’ kwarantina obbligatorja li tkun ordnata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, u għalhekk ma japplikawx jekk studenti jkunu assenti għal xi raġuni oħra għall-eżamijiet tal-MATSEC.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend