Notifiki

Jinżamm arrestat wara li allegatament prova jifga lis-sieħba tiegħu b’ċinga tal-klieb

Żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena minn Birżebbuġa, baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ vjolenza domestika.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li f’April li għadda, il-Pulizija daħlilha rapport ta’ argument bejn koppja li wassal biex il-mara kellha tittieħed l-isptar.

Irriżulta li l-mara sofriet minn ġrieħi gravi, u wara li ntbagħtet id-dar, kellha terġa’ tidħol l-isptar ġurnata wara u ġiet bżonn interventi mediċi oħra.

Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid kif skont l-allegat vittma, l-argument beda dwar ix-xiri ta’ karozza, u meta dan eskala, ir-raġel allegatament qabad jagħti lill-mara u pprova jifgaha b’ċinga tal-klieb u b’idejh. Dak il-ħin, il-mara gidmitlu idu biex jeħlisha, bil-konsegwenza li waqgħet fuq darha u kisret żewġ irkiekel.

Id-difiża argumentat li ż-żagħżugħ mar fl-appartament tal-mara meta ma kinitx hemm biex jippakkja ħwejġu u jitlaq, u meta ġie wiċċu magħha, allegatament bdiet il-ġlieda fiżika.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ tal-intralċ tal-provi u appellat lill-Prosekuzzjoni biex ittella’ x-xhieda tagħha fis-seduta li jmiss.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend