Notifiki

150 persuna mmultati wara li nġabru jixorbu fil-pubbliku u għamlu party f’dar privata

Madwar mija u ħamsin persuna tħarrku mill-Pulizija u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu wara rapporti ta’ ġemgħat ta’ nies f’Pembroke u fil-Mellieħa, bi ksur tar-regolamenti tal-COVID-19.

Nhar is-Sibt, għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan waslitilhom informazzjoni li fis-sit Natura 2000 f’Pembroke, kien hemm diversi persuni jixorbu f’post imwarrab fuq il-blat.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn sabu grupp kbir ta’ żgħażagħ li malli rawhom ippruvaw jaħarbu.

Hawnhekk inħarġu tmenin ċitazzjoni minħabba ksur tal-avviż legali tal-COVID-19 b’rabta mal-użu mandatorju tal-maskri u n-numru ta’ persuni fi spazji pubbliċi.

F’każ separat u fl-istess post, il-Ħadd għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, il-Pulizija sabet miġegħma ta’ persuni jixorbu fuq il-blat u nħarġu ħamsa u tletin ċitazzjoni minħabba ksur tal-istess avviżi legali.

Waqt li l-Pulizija kienu qed jieħdu d-dettalji tagħhom, wieħed miż-żgħażagħ – Franċiż ta’ tmintax-il sena, ħebb għal Kuntistabbli, bil-konsegwenza li qattalu l-qmis tas-servizz u ħarab minn fuq il-post.

Minnufih bdiet tfittxija għalih u ġie arrestat ftit wara.

Huwa qed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.

Il-Kuntistabbli mar għall-kura f’ċentru tas-saħħa fejn ġie ċċertifikat li ndarab ħafif.

Intant, il-Ġimgħa l-filgħaxija għall-ħabta tad-disgħa u kwart, il-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra u tar-Rapid Intervention Unit marru f’residenza privata fil-Mellieħa wara li daħlilhom rapport li kien hemm party.

X’ħin waslu fuq il-post instemgħet il-mużika waqt li l-Pulizija nnutaw xi persuni fuq il-bejt.

Huma ġew ordnati jiftħu fejn kien hemm madwar ħamsa u tletin persuna ġewwa.

Minnufih inġabru d-dettalji ta’ dawk preżenti u ttieħdu l-azzjonijiet neċessarji mill-MTA u l-Pulizija dwar il-ksur tar-regolamenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend