Notifiki

“Investejna fin-negozji wara li għal tant snin huma investew f’pajjiżna” – il-PM

F’intervista mxandra fuq ONE mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u maż-żewġ Deputati Mexxejja Chris Fearne u Daniel Micallef, Dr Robert Abela qal li fl-2020 kien meħtieġ li nkomplu ninvestu fin-nies u fin-negozji.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern ma rraġunax li minħabba pandemija, iċ-ċirkostanzi ma kinux jippermettu u għalhekk ma jitqassamx il-ġid.

Saħaq li bil-kontra, dan il-Gvern ried iwieżen iżjed u investa fin-negozji wara li għal tant snin dawn investew tant f’pajjiżna.

Fl-intervista li għalqet jum twil u impenjattiv għall-Mexxej Laburista, Dr Abela saħaq li matul pandemija n-negozji mhux talli ma keċċewx in-nies minn fuq il-post tax-xogħol, talli kien hemm kumpaniji li saħansitra żiedu l-ħaddiema.

Saħaq li dan ma jfissirx li hemm min għaddej minn sfidi u għalhekk hemm Gvern ta’ spalla.

Il-Prim Ministru qal li sa din il-ġimgħa stess, il-Gvern ħabbar miżuri t’għajnuna għan-negozji u biex ikompli jissaħħaħ il-ħaddiem fosthom permezz ta’ tax credits u anki sussidju fil-kontijiet tad-dawl tan-negozji.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riformi kbar li għamel pajjiżna, partikolarment f’dawn l-aħħar sittax-il xahar.

Hawnhekk semma kif dan il-Gvern qed ilesti l-pajjiż għall-għaxar snin li ġejjin.

Dr Abela semma wkoll il-programm ta’ residenza ta’ pajjiżna, li ġab biljun u nofs ewro lejn pajjiżna u l-Oppożizzjoni wara li kienet ilha tipprova tkisser dan il-programm, bidlet il-pożizzjoni tagħha dwar dan il-programm ta’ ġid għal Malta.

Intant fl-istess intervista, id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament, Chris Fearne tkellem dwar il-ħaddiema tas-saħħa u l-programm ta’ tilqim ta’ pajjiżna.

Qal li Malta mhiex f’tellieqa kontra pajjiżi oħra iżda kontra l-virus.

Saħaq iżda li min se joħroġ mill-pandemija l-ewwel se jkollu vantaġġi importanti fosthom li jiftaħ l-ekonomija.

Semma kif pajjiżna qed jaħseb biex itellaq dak magħruf bħala ċ-ċertifikat tal-vaċċin li jiffaċilità l-ivvjaġġar b’mod sigur.

Huwa rrikonoxxa wkoll kif l-ħaddiema tas-saħħa ħarġu bl-unuri waqt pandemija u rringrazzjahom ta’ xogħolhom.

Intant id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Partit Daniel Micallef tkellem dwar il-ħidma interna tal-Partit Laburista li baqgħet għaddejja anki waqt l-imxija.

Saħaq li Jum il-Ħaddiem huwa anki jum ta’ riflessjoni għal dak li għaddejna minnu matul pandemija.

Il-Perit Daniel Micallef qal li minkejja l-isfidi, il-ħaddiema u l-familja jirrikonoxxu l-ħidma kbira li twettqet biex pajjiżna baqa’ għaddej.

Fakkar kif f’pajjiżi oħra r-realtà kienet mod ieħor.

F’Jum il-Ħaddiem qal li Gvern Nazzjonalista mhux f’riċessjoni finanzjarja u lanqas f’pandemija globali naqqas il-vaganzi tal-ħaddiema biex skont hu jżid il-kompetittività.

Min-naħa l-oħra, Gvern Laburista dejjem ħadem għal ideal wieħed, dak li joħloq il-ġid, isaħħaħ u fuq kollox jinċentiva lill-ħaddiem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend