Notifiki

Michel Rizzo jissospendi lilu nnifsu minn tat-Times

Id-Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers Michel Rizzo ssospenda lilu nnifsu wara li lbieraħ tressaq il-Qorti b’arrest mixli b’ħasil ta’ flus u frodi fost oħrajn.

Fi stqarrija, Allied Group, il-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tal-gazzetta The Times, qalet li kienet sorpriża li lbieraħ ittieħdet id-deċiżjoni li d-Direttur Maniġerjali tagħha u l-kumpanija Progress Press jitressqu l-Qorti mixlija b’akkużi kriminali.

Dan wara inkjesta Maġisterjali dwar allegat negozju bejn Keith Schembri u l-eks Diretturi tat-Times Adrian Hillman u Vince Buhagiar diversi snin ilu.

Il-kumpanija tat-Times qalet li hija kkoperat mal-awtoritajiet u tenniet li hija vittma ta’ dak li seħħ.

Fl-istqarrija, l-Allied tat-Times iddefendiet lil Michel Rizzo u qalet li fil-Qorti ntqal li ma hemmx evidenza li Rizzo kien involut b’miż-appropjazzjoni ta’ flus.

Il-Ħamis Michel Rizzo u Claude Licari, eks uffiċjal finanzjarju ta’ Progress Press ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €50,000.

Huma, flimkien mal-kumpanija Progress Press tressqu l-Qorti wara aktar investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjari.

Riċentament fil-midja ġie rrappurtat li t-Times setgħet frodat tliet kwarti ta’ miljun ewro lil Malta Enterprise fuq finanzjament li kisbet biex tinvesti f’magna tal-istampar.

Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, Rizzo u Licari ċaħdu l-akkużi u ġew iffiriżati l-assi ta’ Progress Press Ltd.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend