Fl-aħħar sigħat fiequ ħamsa u ħamsin persuna oħra mill-Coronavirus u feġġew sittax-il każ minn fost elf, seba’ mija wieħed u sittin test.
Dan ifisser li disgħa u disgħin punt wieħed fil-mija tat-testijiet li saru ġew negattivi, u żero punt disgħa fil-mija ġew pożittivi.
Sa issa fiċ-ċentri tal-ittestjar f’pajjiżna saru iżjed minn tminn mitt elf u sebgħa u sittin test.
Mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-Covid-19, ingħataw iktar minn tliet mija, wieħed u tletin elf, erba’ mija tmienja u tletin doża. Minnhom, mija u ħamest elf, sitt mija tmienja u għoxrin persuna ħadu t-tieni doża.
Intant, fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa reġa’ ma kienu rrappurati l-ebda imwiet b’rabta mal-Covid-19.
Dan intqal mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci waqt l-aġġornament ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa.
Waqt dan l-aġġornament mediku spjegat li tnejn u erbgħin fil-mija tal-persuni li għandhom ’il fuq minn 40 sena diġà ħadu minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Intqal ukoll li din iċ-ċifra waslet ġimgħa wara li nfetħet ir-reġistrazzjoni għal dawk li għandhom iżjed minn 40 sena għat-tilqima tal-Covid-19.
Il-Professur Gauci qalet ukoll li sebgħa u sittin fil-mija, jiġifieri żewġ terzi ta’ dawk li għandom iżjed minn 50 sena tlaqqmu.
Dan filwaqt, li erbgħa u disgħin fil-mija ta’ dawk li għandhom 60 sena ‘il fuq tlaqqmu.
Hawnhekk, il-Professur Charmaine Gauci appellat li dawk f’din il-kategorija tal-età, li għadhom ma rċievewx invit għat-tilqima, sabiex iċemplu fuq in-numru 145.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet kif fiċ-ċentri ta’ ħarsien tat-tfal ma kien hemm l-ebda każ, fl-iskejjel primarji u sekondarji kien hemm erba’ każijiet pożittivi għall-virus ta’ studenti u tliet każijiet li huma ħaddiema. Il-Professur Gauci qalet li l-każijiet huma iżolati u mhux fi gruppi.
Hija qalet ukoll li nstabu ħdax-il każ ta’ studenti Universitarji barranin li jgħixu f’kumpless. Qalet li dan il-grupp huwa marbut maż-żewġ każijiet li kien hawn bil-varjant Brażiljan f’Malta.
Dwar il-miżuri l-ġodda, imħabbra l-Ħadd li għadda, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li l-ftuħ se jsir b’mod gradwali.
Qalet,“Aħna qegħdin niftħu bir-rilaxx tal-miżuri bil-mod il-mod u b’mod kawtel, gradwali ħafna biex aħna nkunu nistgħu naraw jekk ħa jkunx hemm impatt fuq il-każijiet. Ma nixtiequx li jkun hemm impatt f’daqqa waħda, li jista’ jkollok minħabba r-rilaxx tal-miżuri li jiżdiduhek il-każijiet f’daqqa waħda. U dan rajna li ħadmet, meta għamilna ħmistax bl-iskejjel, childcare, primarja u sekondarja biss fuq il-post, rajna li ma kienx hemm żieda fil-każijiet.”