Notifiki

Id-diżabilità ma żżommux milli jibni negozju

Mario Abela, li twieled mingħajr nofs l-id ix-xellugija ma ħalliex id-diżabilità tiegħu twaqqfu milli jibni n-negozju tiegħu.

Abela li għandu 53 sena spjega kif fl-istamperija tiegħu jħaddem 22 ruħ. Huwa nnota kif l-għajnuna tal-Gvern f’dan iż-żmien ta’ pandemija kienet kruċjali biex il-kumpanija tiegħu li bena tul dawn l-aħħar 26 sena setgħet tibqa’ taħdem.

Huwa qal, “Nagħmel appell lin-nies li għandhom diżabilità biex ma jħallux id-diżabilità żżommhom lura u li l-ħolm tagħhom iwettquh f’realtá.”

Fi żjara li għamlet fl-intrapriża fil-Qrendi, il-Ministru għall-inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli spjegat kif fil-ġimgħa ta’ Jum il-Ħaddiem tkompli toħroġ l-importanza li permezz ta’ 415-il miljun ewro b’investiment f’Covid Wage Supplement ġew salvati mal-100,000 impjieg.

Hija qalet li dan il-Gvern irid ikompli jwieżen lill-ħaddiema kollha, anke dawk li għandhom xi forma ta’ diżabilità.

Il-Ministru Farrugia Portelli stqarret: “Insaħħu l-ħaddiem mhux biss minn aspett ekonomiku, li aħna rajna kif inkomplu nwieżnu l-ħaddiema u min iħaddem iżda wkoll illi naraw li jkollna aktar stejjer ta’ suċċess bħal dik ta’ Mario. Li fil-każ tiegħu meta twieled b’diżabilità ħares lejn l-abilità tiegħu. Li llum il-ġurnata għandu kumpanija tiegħu, 22 ruħ li jaħdmu miegħu, storja ta’ suċċess ta’ ispirazzjoni għal kull żgħażugħ u żgħażugħa b’diżabilità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend