Notifiki

Fiequ 38 persuna mill-Covid-19 u feġġew 33 każ

Fl-aħħar sigħat fiequ 38 persuna oħra mill-Coronavirus u feġġew 33 każ minn fost 1,804 test. Dan ifisser li 98.2% tat-testijiet li saru ġew negattivi filwaqt li 1.8% biss ġew pożittivi.

Mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19, ingħataw 301,594 tilqima. Minn dawn, 96,631 persuni ħadu t-tieni doża.

Dan ikkonfermatu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, fil-bullettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, fejn elenkat ukoll il-progress li sar fost l-etajiet differenti fir-rata ta’ tilqim.

Il-Professur Gauci spjegat kif fost oħrajn mill-persuni li għandhom bejn 50 u 59 sena diġà tlaqqmu kważi 60%. Dan minkejja li t-tilqim għal din il-faxxa tal-età fetaħ ftit inqas minn ġimagħtejn ilu.

Hija qalet, “L-aħħar grupp li ftaħt ġimagħtejn ilu huwa ta’ bejn 50 u 59 sena. Diġà f’ġimagħtejn kellna konkorrenza tajba ħafna fejn kellna 58% minn dawn li huma diġà mlaqqmin.”

Ir-rata ta’ tilqim fost etajiet oħra hija ta’ 93% għal dawk li għandhom aktar minn 85 sena, 89% għal dawk li għandhom aktar minn 80 sena, 90% għal dawk li għandhom aktar minn 70 sena u aktar minn 85% għal dawk li għandhom aktar minn 60 sena.

Il-Professur Gauci spjegat ukoll kif bħalissa, l-medja ta’ każijiet pożittivi kuljum hija ta’ 38 u r-rata ta’ każijiet pożittivi hija ta’ 2.1%.

67% tal-każijiet pożittivi kollha huma tal-varjant ingliż. Dan filwaqt bħalissa f’pajjiżna għandna 4 każijiet tal-varjant mill-Afrika ta’ Isfel u 3 każijiet tal-varjant Brażiljan.

Dwar il-każijiet l-attivi li hemm bħalissa, il-Professur Gauci spjegat li 74 persuna qed jingħataw il-kura fl-isptarijiet Maltin, iżda n-numru ta’ pazjenti rikoverati fl-isptarijiet qed ikompli jonqos.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika stqarret: “In-numri neżlin, infatti fl-ITU għandna 8 persuni u għandna dawn minnhom hemm minnhom li huma każijiet attivi imma hemm minnhom li huma każijiet recovered imma jkunu għadhom jkunu qed jieħdu l-kura minħabba kumplikazzjonijiet tal-Covid.”

 Intant, fl-aħħar 24 siegħa, anzjana ta’ 93 sena li kienet pożittiva għall-Covid-19 tilfet ħajjitha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend