Notifiki

F’seba’ xhur is-sena l-oħra mietu 515-il persuna kawża ta’ mard tal-qalb  

Kull sena, tnejn minn kull ħames imwiet f’pajjiżna huma riżultat ta’ mard marbut mal-qalb.

Minn tagħrif parlamentari jirriżulta wkoll li bejn Jannar u Lulju tas-sena l-oħra, mietu ħames mija u ħmistax-il persuna kawża tal-mard tal-qalb.

Il-kardjologu Robert Xuereb spjega kif dawn l-imwiet kollha huma verament ta’ dieqa hekk kif jistgħu jiġu evitati.

Huwa qal li l-attakki tal-qalb huma l-aktar kumplikazzjonijiet komuni f’mard kardjovaskulari.

Qal, “Nafu minn State of the Health EU statistics li joħorġu kull sena, li l-kawża prinċipali tal-imwiet f’pajjiżna, kull sena hija mard kardjovaskulari. Prinċiparjament il-mard tal-qalb fejn jidħol mard tal-qalb koronarju, jiġifieri d-djuq tal-arterji tal-qalb jew dak li ngħidulhom attakki tal-qalb.”

Huwa sostna li r-raġuni ewlenija ta’ dawn l-imwiet huma kawża tad-dieta li tiffoka ħafna fuq il-karboidrati u n-nuqqas ta’ eżerċizzju li huma komuni fis-soċjetà Maltija.

Apparti minn hekk, fiehem li t-tipjip għadu komuni xorta waħda, minkejja d-diversi kampanji ta’ edukazzjoni dwar l-effetti tat-tipjip.

Minkejja dan, it-tabib Xuereb qal li n-numri tal-imwiet f’pajjiżna marbutin mal-mard tal-qalb qegħdin jonqsu matul iż-żmien.

Spjega, “F’dawn l-aħħar għoxrin sena naqqasna l-imwiet mill-mard tal-qalb bil-ħamsin fil-mija. Kawża prinċipali hija minħabba li qed nagħtu kura ħafna aħjar għall-mard tal-qalb.”

Intant l-appell sabiex il-Maltin jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex iħarsu saħħithom minn dan il-mard, jibqa’.

Qal, “Huwa mportanti għal dawk kollha li qed isegwuna llum li jagħmlu check-ups b’mod regolari. Jaraw il-pressjoni, zokkor, cholesterol u l-piż tagħhom u jekk dawn mhux normali, jieħdu l-kura li hemm bżonn, jibdew billi jagħmlu jbiddlu d-dieta u jagħmlu l-eżerċizzju u jieħdu l-mediċini. Iridu wkoll ikomplu jiċċekjaw ruħhom b’mod regolari biex iżommu dawn il-fatturi taħt kontroll.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend