Notifiki

It-timijiet Ingliżi fis-Super League jitilqu mill-kompetizzjoni

Is-sitt timijiet Ingliżi li kienu se jieħdu sehem fil-European Super League, telqu minn dan il-kampjonat propost.

L-ewwel tim li ħabbar din id-deċiżjoni kien Manchester City, hekk kif it-tim ta’ Chelsea ura l-intenzjoni tiegħu li jitlaq ukoll minn din il-kompetizzjoni.

Wara segwew it-timijiet ta’ Manchester United, Liverpool, Arsenal u Tottenham Hotspurs.

Dawn it-timijiet qalu li ħadu din id-deċiżjoni wara li semgħu m’għand il-partitarji.

Matul il-ġurnata tat-Tlieta, l-14-il tim l-ieħor tal-Kampjonat Premier Ingliż ma qabilx mad-deċiżjoni li ħadu dawn is-sitt timijiet Ingliżi sabiex jidħlu f’din il-kompetizzjoni li kienet se tkun immexxija minnhom stess.

Din l-aħbar ġiet wara jumejn ta’ protesti, b’mod speċjali fuq il-midja soċjali iżda anki barra l-grawnds rispettivi ta’ dawn it-timijiet.

Fost dawn il-protesti kien hemm dik qabel il-logħba bejn Chelsea u Brighton & Hove Albion, fejn madwar elf partitarju ta’ Chelsea nġabru barra Stamford Bridge sabiex jipprotestaw kontra l-European Super League.

Ed Woodward

Dan ifisser li f’din il-kompetizzjoni proposta għad baqa’ sitt timijiet, li huma: Juventus, Inter, Milan, Real Madrid, Barċellona u l-Atletico Madrid.

Intant, il-Viċi Chairman Eżekuttiv ta’ Manchester United Ed Woodward irriżenja minn din il-kariga.

Dan hekk matul il-jum tat-Tlieta, diversi plejers ta’ Manchester United ipprotestaw kontra d-deċiżjoni li United jieħdu sehem fis-Super League.

Fost dawn il-plejers hemm il-captain Harry Maguire, Luke Shaw, Marcus Rashford u Bruno Fernandes.

Dwar dan il-kampjonat propost, diversi plejers ta’ Liverpool, ħarġu stqarrija fejn intqal li ma jaqblux ma’ dan il-kampjonat propost. Fost dawn hemm il-captain ta’ Liverpool, Jordan Henderson.

Dan il-kampjonat, bl-isem ta’ European Super League, ġie mħabbar kmieni t-Tnejn filgħodu, mit-12-il tim, li huma meqjusa mal-aqwa timijiet fl-Ewropa.

Din it-tħabbira tal-European Super League nisslet rabja sħiħa fost in-nies involuti fid-dinja sportiva tal-futbol, tant li l-UEFA u l-FIFA ħarġu kontra din l-idea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend